“L-influwenza tan-nisa Maltin fil-politika trid tissaħħaħ” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca saħqet fuq il-bżonn li iktar tfajliet jidħlu fl-isfera politika tal-pajjiż, hekk kif in-nisa bħalissa jikkostitwixxu biss 22% tal-Parlament Malti.
Bħala l-ambaxxatriċi tal-kampanja #Girl2Leader, il-President qed tħajjar lil tfajliet Maltin biex jagħrfu l-potenzjal tagħhom u jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ politiki u strateġiji nazzjonali li jirrappreżentaw lil kulħadd.
Għal din ir-raġuni, il-President se tkun qed torganizza workshops flimkien mal-eks President tal-Parlament Ewropew, Silvana Koch-Mehrin, fil-jiem li ġejjin fl-Università ta’ Malta, MCAST f’Malta u Għawdex, Sir M.A. Refalo Sixth Form f’Għawdex, u Giovanni Curmi Higher Secondary, bl-għan li jiftħu għajnejn it-tfajliet Maltin għall-opportunitajiet li jista’ jkollhom fil-politika.
Dawn il-workshops qed jiġu organizzati ftit ġimgħat biss qabel ma titnieda l-kampanja Girl2Leader madwar id-dinja fil-11 ta’ Ottubru, li hija l-Ġurnata Internazzjonali tat-Tifla.
Għal iktar informazzjoni u tingħaqad mal-kampanja #Girl2Leader tista’ żżur is-sit www.girl2leader.org