L-infiq turistiku fid-dinja jiżdied bi 3.6%, f’Malta 6.1%

Fl-2014, l-infiq turistiku madwar id-dinja żdied b’€36 biljun, filwaqt li fl-Ewropa żdied bi €13-il biljun. Dan meta mqabbel mal-2013.
Fi stqarrija, il-Ministru għat-Turiżmu rrefera għal ċifri ppubblikati mill-World Tourism Barometer u spjega li dan ifisser li fl-2014, kien hemm tkabbir medju ta’ 3.6% fl-infiq.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir li Malta rreġistrat tkabbir ferm akbar ta’ 6.1% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Irrefera għaċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li juru li l-infiq turistiku f’Malta fl-2014 laħaq il-€1.5 biljun, żieda ta’ €88 miljun li ġew injettati direttament fl-ekonomija Maltija.