L-infermiera u l-qwiebel mhux se jċedu

Read in English.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel fl-Isptar Mater Dei sostniet li mhix se ċċedi sakemm il-membri tagħha jakkwistaw id-drittijiet tagħhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li kellha dalgħodu, l-MUMN ħabbret direttivi ġodda li se jidħlu fis-seħħ fil-5 ta’ Lulju. Dan wara konferenza stampa oħra li kienet għamlet l-MUMN f’Ottubru, bi protesta għall-Gvern li baqa’ jirrifjuta li jiltaqa’ magħha għal 7 xhur. Il-Gvern beda jinnegozja wara li dehru d-direttivi industrijali.

Fil-ftehim li sar bejn l-MUMN u l-Gvern, il-Gvern ħalla 3 punti ewlenin barra, minkejja d-diskussjonijiet twal li kienu saru bejn iż-żewġ partijiet. Dawn il-punti huma li l-infermiera jirtiraw kmieni, iż-żieda fl-allowances, gradi li għandhom jitqiesu kif suppost fl-istruttura tas-salarji u li l-punti ewlenin ma ġewx indirizzati.

Fost id-direttivi l-ġodda hemm li l-ħaddiema ma jużawx il-mowbajls u ma jagħmlux xogħol klerikali ħalli jkunu jistgħu jiffukaw fuq il-kura tal-pazjenti, kif ukoll li ma jassistux lit-tobba fiż-żona tal-Outpatients.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea, qal li hawn nuqqas ta’ 550 infermier skont kriterji li jmorru lura 15-il sena. Dan in-nuqqas f’Monte Karmeli, pereżempju, jaffettwa lill-pazjenti għaliex m’hemmx biżżejjed infermiera biex jassistuhom, bil-konsegwenza li dawn jaħarbu jew ikunu ta’ periklu.

Saħaq li anke jekk issir xi azzjoni mill-Gvern, l-MUMN se tibqa’ għaddejja bil-ġlieda għad-drittijiet tal-membri tagħha.