L-infermiera jistgħu jibqgħu d-dar jekk il-lezzjonijiet ikunu online – MUMN

L-MUMN b'direttivi wara laqgħa mad-Diviżjoni tas-Saħħa

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet għadd ta’ direttivi għall-membri tagħha, fosthom li l-infermiera membri tagħha jistgħu jibqgħu d-dar ma’ wliedhom f’każ li l-iskejjel jagħlqu jew uħud mil-lezzjonijiet isiru online.

L-MUMN ħarġet dawn id-direttivi llejla wara li kellha laqgħa mad-Diviżjoni tas-Saħħa fuq diversi kwistjonijiet u ma ntlaħaqx qbil fuq xi suġġetti li ġew diskussi.

Hija spjegat lill-membri tagħha li jistgħu jibqgħu d-dar ma’ wliedhom għal ħin mhux limitat, b’telf biss tal-allowance tal-Ħdud u tal-festi. Din id-direttiva tapplika wkoll għall-ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali. Id-direttiva ma tgħoddx biss għal membri li għandhom tfal ta’ taħt l-10 snin, imma bi tfal ta’ kull età li jattendu skola primarja, sekondarja jew skola speċjali.

Apparti dan, l-infermiera kollha fl-isptarijiet, id-djar tal-anzjani u ċ-ċentri tas-saħħa ma jridux jagħtu t-tilqima kontra l-influwenza. Dan jgħodd ukoll għall-infermiera li jaħdmu fuq bażi ta’ sahra. Din id-direttiva ġiet deċiża minħabba li t-12-il siegħa żejda VL ittieħdu mid-Diviżjoni tas-Saħħa, u b’hekk, qalet l-MUMN, dawk il-ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu xifts ta’ aktar minn tmien sigħat se jibqgħu jiġu ddiskriminati.

X’ġie diskuss?

F’din il-laqgħa ġie kkonfermat li l-allowance tal-Ħdud u l-festi waqt il-leave tal-kwarantina (marbut max-xogħol) ġie finalizzat u qed jiġi implimentat mir-riżorsi umani fl-isptarijiet u fl-istituzzjonijiet tas-saħħa biex ma jkunx hemm tnaqqis mill-1 ta’ Lulju fuq allowances bħal dawn.

Ġew diskussi l-allowances tal-ikel għall-infermiera fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani. Dawn se jiġu provduti anke lill-part-timers u lil dawk li jaħdmu b’inqas sigħat. Madankollu, ma ntlaħaqx ftehim fuq il-meal allowances għad-Dipartiment tal-Kura Primarja. Għalhekk, mill-24 ta’ Settembru mis-7am ‘il quddiem, l-infermiera ma jridux jieħdu d-demm tal-pazjenti fiċ-ċentri tas-saħħa. Madankollu, it-testijiet INR u APTT xorta waħda għandhom isiru.

L-MUMN u d-Diviżjoni tas-Saħħa ddiskutew ukoll li jiġu impjegati aktar infermiera minħabba n-nuqqas ta’ infermiera li hawn. Intlaħaq qbil li jiġu impjegati 267 infermier minn pajjiżi terzi.

Suġġett ieħor li ma ntlaħaqx ftehim fuqu hu l-allowance ta’ €400 li kienet se tingħata lill-ħaddiema tas-saħħa li għandhom tfal ta’ inqas minn 10 snin. Din se tkun “impossibbli,” qalet l-MUMN.