L-infermiera jissospendu l-azzjonijiet industrijali

Read in English.

L-infermiera llum se jissospendu l-azzjonijiet industrijali li kienu qegħdin jieħdu.

Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi tweet li fiha rringrazzja lill-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ta’ din id-deċiżjoni.

Huwa qal li dan sar “fi spirtu ta’ maturità u kollaborazzjoni.” Appella biex f’mument hekk diffiċli, jibqa’ jinġibed ħabel wieħed.

L-attivitajiet tal-massa projbiti b’xi eċċezzjonijiet

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li laħqet qbil mal-Gvern fir-rigward tal-attivitajiet tal-massa u kwistjonijiet oħra b’rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti. Hija wissiet li t-tieni mewġa f’Malta bdiet billi huwa mistenni li jkun hemm numru għoli ta’ każijiet tal-coronavirus fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-qbil huwa li l-attivitajiet tal-massa se jkunu projbiti kompletament, ħlief għal xi eċċezzjonijiet li se jkunu limitati għal għadd ta’ persuni.

L-MUMN qalet li l-Prim Ministru Robert Abela kkommetta ruħu li l-Gvern jintroduċi infurzar rigoruż li għandu jittieħed bis-serjetà mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Għandu jinħareġ avviż legali bil-ħsieb li l-każijiet tal-coronavirus jerġgħu jinżlu għal inqas minn 10.

Id-direttivi ġew sospiżi mis-7am, iżda l-unjin stqarret li infurmat lill-Gvern li jekk hija ma tkunx sodisfatta bil-proċess li jaddotta, l-azzjonijiet industrijali jerġgħu jibdew jittieħdu. Il-professjonisti vulnerabbli u dawk tqal se jiġu infurmati b’aktar dettalji fil-ġimgħat li ġejjin.

Intant, dalgħodu, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret li d-direttivi għat-tobba se jibqgħu fis-seħħ għat-tieni jum konsekuttiv illum wara li hija ma kinitx sodisfatta bid-deċiżjonijiet meħudin f’laqgħa tal-MCESD ilbieraħ mal-Gvern.

F’din il-laqgħa ttieħdu deċiżjonijiet ta’ infurzar, pereżempju li min ma jilbisx maskra f’postijiet fejn ikun hemm ħafna nies, bħall-karozzi tal-linja, il-ħwienet u fuq il-Gozo Channel, se jiġi mmultat €50. F’kummenti lill-midja fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-attivitajiet tal-massa mhumiex se jsiru ħlief għal attivitajiet bħal tiġijiet. Issemma wkoll li l-ħinijiet tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei se jerġgħu jiġu ristretti, u għandhom jinfetħu żewġ ċentri ġodda fejn isiru t-testijiet tal-coronavirus billi d-domanda hija waħda għolja ħafna.

Madankollu, il-MAM trid li l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu għalkollox. Hija wissiet dwar kif illum, l-għadd ta’ każijiet huwa wieħed rekord billi nstabu 150% tal-każijiet li kienu qegħdin jinstabu ta’ kuljum.