L-infermiera jingħataw direttiva biex ma jgħinux pazjenti aggressivi

Il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (l-MUMN)  tat direttiva industrijali lill-infermiera biex jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat sabiex għal ebda raġuni ma jgħinu pazjenti aggressivi jekk ma jkunux eskortati minn uffiċċjal tas-sigurtà privat.
Direttiva oħra li ngħataw l-infermiera hi li pazjenti aggressivi m’għandhomx jinħarġu mill-kmamar li jkunu qed jiġu rikoverati fihom jekk ma jkunx hemm preżenti fl-istess sala żewġ uffiċċjali tas-sigurtà privati.
Dan wara li nhar il-Ħamis 21 ta’ Jannar għall-ħabta tat-3.30 ta’ waranofsinhar, infermiera ġiet aggredita b’mod gravi u kellha tiddaħħal l-isptar. Qalet li l-pulizija damu biex intervjenew u ħadd mis-Security Response Team tal-Isptar Mater Dei ma ta l-għajnuna lill-infermiera.
L-MUMN qalet li għal diversi drabi saħqet mal-amministrazzjoni tal-Isptar Monte Carmeli biex is-saħħa u s-sigurtà tal-infermiera tiġi ssalvagwardjata fuq il-post tax-xogħol.
Qalet li l-aggressjoni għadha problema kbira u l-infermiera għadhom qed isofru minn aggressjoni kemm fiżika kif ukoll psikoloġija u sostniet li l-ilmenti u l-proposti li resqet l-MUMN waqgħu fuq widnejn torox.