​L-infermiera jiddibattu fil-Parlament

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Infermiera sar dibatittu fil-Parlament li tmexxa mid-deputat Nazzjonalista Mario Galea, li huwa infermier ikkwalifikat.
It-tema tad-diskussjoni kienet “Infermiera: Vuċi li tmexxi. Is-Saħħa hija dritt uman” fejn issemmew aspetti ta’ saħħa li jolqtu lill-anzjani, persuni LGBTIQ, immigranti, nisa u persuni ġejjin minn kulturi differenti.
Intervjenew ukoll il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li saħaq dwar il-bżonn ta’ iktar infermiera speċjalizzati biex jilħqu mad-domandi ġodda, u l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri li emfasiżża li l-pazjenti għandhom ikunu fil-qofol ta’ kull kura.
Għaddiet ukoll mozzjoni parlamentari li fost l-oħrajn tgħid li għalkemm is-servizz tas-saħħa huwa b’xejn f’Malta, xorta  tista’ tkun diffiċli għall-pazjenti biex jiksbu l-aħjar kura biex isiru jafu meta, kif u għand min iridu jirrikorru.
Sezzjonijiet oħra tal-mozzjoni jirreferu għad-drittijiet u l-obbligi tal-infermiera li għandhom dejjem jgħinu persuni f’minoritajiet kif ukoll immigranti irregolari.
Din l-attività ġiet organizzata mill-Fakultà tax-Xjenza tas-Saħħa fi ħdan l-Università ta’ Malta.