L-infermiera b’direttivi minħabba l-inazzjoni tal-Gvern

L-infermiera u professjonisti tas-saħħa oħra ġew ordnati jsegwu għadd ta’ direttivi minn nhar it-Tnejn li ġej. Dan wara li l-unjin MUMN qed tħoss li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa qed jiġu injorati mill-Gvern.

F’komunikazzjoni interna li ra Newsbook.com.mt l-unjin MUMN qalet li l-Prim Ministru Robert Abela mhuwiex imħassab dwar il-ħaddiema tas-saħħa u li qed jimmina s-suċċess li kiseb dan is-settur waqt il-kriżi tal-pandemija tal-coronavirus.

L-MUMN żvelat li l-Prim Ministru Laburista Robert Abela qatt ma ltaqa’ mal-unjin minn meta laħaq PM. Dan bil-kontra tal-President u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-unjin qalet li tinsab infurmata li Abela qed jippermetti li jsiru l-attivitajiet tal-massa favur grupp żgħir ta’ negozjanti u mhux favur l-ekonomija. Żiedet tgħid li l-Ministru Julia Farrugia Portelli m’għandhiex idea x’inhi tagħmel.

Id-direttivi li jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn li ġej japplikaw għal Mater Dei, San Vinċenz de Paul, l-Isptar San Luqa, u l-Isptar Karin Grech fost l-oħrajn.

Uħud mid-direttivi:

  • Infermiera ma jaħslux pazjenti
  • Operazzjonijiet mhux urġenti ma jsirux jew inkella jsiru bla infermiera
  • Fiżjoterapisti ma jarawx aktar minn 3 pazjenti fiżikament kuljum f’San Luqa