L-industrija tal-armamenti hi skandlu

Waqt il-konferenza stampa li l-Papa Franġisku ta fuq l-ajruplan lura lejn il-Vatikan

Waqt ir-ritorn tiegħu lejn il-Vatikan mill-pajjiżi Baltiċi, il-Papa Franġisku tkellem ukoll mal-ġurnalisti dwar l-iskandlu l-ieħor tal-industrija tal-armamenti.

Qal li fid-dinja qed isir investiment massiċċ fl-armamenti militari. Dan hu skandaluż għalkemm kull pajjiż għandu dritt jipproteġi lilu nnifsu. “Il-bejgħ tal-armamenti madwar id-dinja hu skandlu terribbli. L-industrija tal-armamenti u l-kuntrabandu tal-armi huma korruzzjoni mill-akbar.”

F’din il-kwestjoni hemm il-loġika tad-difiża, qal il-Papa, li rrifera għall-figura biblika ta’ David li kien kapaċi jiddefendi lilu nnifsu minn Gulija b’sempliċi żbandola u ċagħqa. “Imma llum m’hemmx David, u naħseb li biex iħossu sigur pajjiż irid ikollu armata difensiva raġjonevoli li ma tkunx aggressiva. Hekk tkun armata onorevoli u jkun unur għaliha li tiddefendi lil pajjiżha.”

Il-Papa semma d-diversi gwerer tal-fruntieri li qed ikomplu jkissru l-pajjiżi madwar id-dinja, speċjalment fl-Afrika. “L-industrija tal-armamenti hi ta’ skandlu quddiem dinja li qed tmut bil-ġuħ,” sostna l-Papa.

Tkellem ukoll dwar it-tema tal-immigrazzjoni u qal li l-kapijiet tal-istati tat-tliet pajjiżi li kien għadu kif żar kollha kellmuh dwar dan u hu, min-naħa tiegħu, qal li f’din il-kwistjoni wieħed ried jimxi b’kawtela u jħares lejn kull każ fuq il-merti tiegħu.

“It-tema tal-emigrazzjoni fid-dinja kollha, mhux biss immigrazzjoni esterna, imma anke immigrazzjoni interna bejn il-kontinenti, hi kwistjoni serja u trid tkun studjata. F’kull pajjiż jew żona, il-konnotazzjonijiet huma differenti.”

L-ekumeniżmu kienet tema importanti fiż-żjara tal-Papa li l-ġurnalisti staqsewh dwarha.  Il-Papa rrimarka dwar il-koeżistenza paċifika bejn il-Knejjes differenti. “Jeżisti ekumeniżmu veru bejn il-Luterani, il-Battisti, l-Anglikani u anke l-Ortodossi. Din hi ħaġa kbira. Aħwa qrib Knisja waħda,” qal il-Papa.

Is-saħħa u l-għaqda tat-twemmin fl-istati Baltiċi, qal il-Papa, hi ġejja mit-tbatija u l-persekuzzjoni li kellhom jgħaddu minnha.  Fil-Litwanja, il-Papa żar mużew li jfakkar lil dawk li nqatlu jew kienu torturati mill-KGB minħabba l-ideat tagħhom dwar il-fidi. Hu poġġa fjuri fuq monument li jikkommemora l-ġenoċidju tal-Lhud waqt l-okkupazzjoni Nazista.

“Ngħidilkom il-verità, dakinhar, ħassejtni milqut ħafna,” ammetta l-Papa. “Dik iż-żjara ġegħlitni naħseb dwar il-kefrija. Ngħidilkom li mill-informazzjoni li ħierġa llum, dik il-kefrija ma spiċċatx. L-istess kefrija llum tista’ ssibha f’diversi ċentri ta’ detenzjoni. Hekk ukoll fil-ħabsijiet fejn l-iffullar tan-nies isir forma ta’ tortura. Dan hu skandlu. L-iskandlu l-kbir tas-soċjetà tagħna,” sostna l-Papa Franġisku.