Read in English.
Il-Malta Producers Association (MPA) qalet li kienet diżappuntata meta saret taf li l-industrija tal-films u t-televiżjoni tħalliet barra fil-miżuri għal setturi li ġew milquta b’mod kritiku minħabba l-kriżi tal-coronavirus. Qalet li din l-industrija qed issofri wkoll.
Fi stqarrija, l-MPA qalet li l-aħħar miżuri ta’ għajnuna finanzjarji mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela fl-24 ta’ Marzu, li kienu mmirati biex jgħinu lis-setturi l-aktar milqutin, ħallew lill-industrija barra. Qalet li kien naturali li ħasbet li l-industrija tal-film u t-televiżjoni kienet se tkun parti mill-kategorija tal-Creative Arts and Entertainment.
L-MPA qalet li temmen li dan kien żball ġenwin minħabba l-klassifikazzjoni skorretta tal-industrija.
L-Assoċjazzjoni spjegat li minħabba l-kriżi tal-COVID-19 m’hawnx produzzjonijiet tal-film u t-televiżjoni għaddejjin fil-pajjiż u lanqas madwar id-dinja. Il-produzzjonijiet kollha barranin li kienu se jiġu jiffilmjaw Malta ħassru s-sessjonijiet tagħhom, produzzjonijiet lokali waqqfu kollox u b’hekk is-settur huwa fost l-aktar li ġew milqutin bħalissa. Spjegat li għexieren ta’ persuni li jaħdmu freelance u kumpaniji tal-produzzjoni tat-televiżjoni u l-films tħallew bla dħul ta’ xejn.
F’isem il-professjonisti kollha tas-settur, l-MPA ħeġġet lill-Ministeru għat-Turiżmu u lill-Prim Ministru sabiex jintervjenu b’mod immedjat u jirrikonoxxu l-attivitajiet ta’ Motion Picture, Video u Televiżjoni bħala setturi l-aktar milquta u jinkluduhom f’Annex A tal-benefiċċji soċjali li qed jingħataw mill-Gvern bħalissa.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.