L-industrija tan-nightclubs fi Spanja tħejji kodiċi sigur għad-divertiment

REUTERS/Enrique Calvo

Read in English.

Żfin bil-maskli, xorb permezz ta’ straws u restrizzjonijiet f’żoni mmarkati apposta għaż-żfin huma fost il-proposti ta’ sigurtà għal wara l-perjodu ta’ lockdown bl-għan li n-nightclubs Spanjoli jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom u jibdew joperaw mill-ġdid dan is-sajf.

F’Marzu li għadda l-gvern impona waħda mill-aktar strutturi stretti ta’ restrizzjonijiet kontra l-coronavirus fl-Ewropa u għalhekk il-klabbs fil-pajjiż ilhom magħluqa għal dawn l-aħħar ġimgħat, mossa li tat daqqa ta’ ħarta lis-settur tat-turiżmu li jikkontribwixxi għal aktar minn 12% tal-PGD ta’ Spanja.

Issa li qed jintreħew ir-restrizzjonijiet, il-Federazzjoni Nazzjonali għan-Negozji ta’ Divertiment (FNEOE), grupp tal-industrija, u l-Istitut għal Turiżmu ta’ Kwalità, lobby group, ħejjew linji gwida ta’ sigurtà bi tħejjija għall-ftuħ tal-klabbs.

Il-pjan jirrakkomanda l-użu mandatorju ta’ maskli fuq id-dance floor u li kull min jidħol jew joħroġ mill-klabb ikollu jaħsel idejh. Iż-żoni taż-żfin se jkollhom ikunu mmarkati u maqtugħin minn partijiet oħra tal-klabbs sabiex il-klijenti ma jitħalltux, u x-xorb għandu jisserva biss bi straws li jintremew.

Is-settur tan-nightlife, inkluż “super clubs” fuq il-gżira ta’ Ibiża bħal Pacha, Amnesia, u Eden li huma popolari mat-turisti, irendi dħul annwali ta’ madwar 20 biljun euro (17.7 biljun lira sterlina), skont l-FNEOE.

Il-ftuħ ta’ dawn l-istabbilimenti se jiddependi fuq l-approvazzjoni mill-gvern, li s’issa ta l-permess lil barijiet biex jiftħu terazzini fuq barra, u jservu biss ammont limitat ta’ persuni. Għad m’hemm l-ebda indikazzjoni dwar meta se jitħallew jinfetħu n-nightclubs.

“Dawn il-linji gwida huma mħejjija minn tobba biex niżguraw li kulħadd ikun jista’ jgawdi parti essenzjali mill-ħajja Spanjola b’mod sigur,” qal Vicente Pizcueta, kelliem tal-FNEOE, filwaqt li żied jgħid li kien qed jittama li l-affarijiet jiġu lura għan-normal f’Lulju li ġej.

In-nies ħarġu bi ħġarhom biex jgħumu u jgawdu x-xemx nhar it-Tnejn hekk kif Spanja reġgħet fetħet mill-ġdid kważi l-bajjiet kollha bħala parti mill-isforzi tal-gvern biex tingħata l-ħajja mill-ġdid lill-industrija tat-turiżmu, li sofriet matul il-pandemija.

Nhar it-Tnejn, Spanja rrappurtat li ma kien hemm l-ebda mewta relatata mal-covid għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar xhur.

Intant, il-Mużew Guggenheim f’Bilbao reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu, l-ewwel istituzzjoni ta’ dan it-tip li ħadet dan il-pass minn meta beda jintreħa l-lockdown strett li ġie impost fuq il-pajjiż kollu f’nofs Marzu.

Il-gvern qal li qed jaħdem bis-sħiħ biex jiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ saħħa tajba hekk kif qed jipprova jattira viżitaturi internazzjonali lura lejn il-pajjiż bl-għan li dan jerġa’ lura għan-normal  f’Lulju. 

“Dan mhux każ ta’ min se jiftaħ l-ewwel, imma rridu niżguraw li qed niftħu mill-ġdid filwaqt li niggarantixxu s-saħħa mhux biss tar-residenti tagħna, imma wkoll tat-turisti li jżuruna,” qal il-Ministru għall-Industrija u t-Turiżmu Reyes Maroto matul intervista ma’ Telecinco TV.

Waħda minn kull tmien persuni fi Spanja taħdem fis-settur tat-turiżmu, il-pajjiż bit-tieni l-akbar numru ta’ turisti fid-dinja wara Franza, u dan is-settur jikkontribwixxi għal aktar minn 12% tal-PGD fi Spanja.

Imma d-dħul mit-turiżmu naqas bin-nofs matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena sa April, u l-ebda turist ma żar il-pajjiż matul dan ix-xahar minħabba l-lockdown fi Spanja. 

Spanja kienet wieħed mill-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar minn din il-pandemija, imma l-Ministeru għas-Saħħa ma rrapporta l-ebda mewta nhar it-Tnejn għall-ewwel darba minn meta faqqgħet il-marda, u għalhekk l-għadd totali baqa’ ta’ 27,127 kif irrappurtat nhar il-Ħadd. Madankollu, 35 persuna tilfu ħajjithom matul l-aħħar ġimgħa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn