Aġġornata: “L-industrija tal-kostruzzjoni tinsab fi kriżi” – Kamra tal-Periti

Christoph Schwaiger

Il-Kamra tal-Periti rreaġixxiet għall-inċident ta’ dalgħodu fejn waqgħet binja appartamenti oħra qrib sit ta’ kostruzzjoni fil-Mellieħa, fejn sostniet li l-industrija tal-kostruzzjoni tinsab fi kriżi u aktar dewmien mill-Gvern mhux aċċettabbli. Intant, il-Gvern qal li jinsab inkwetat bil-każ li seħħ fil-Mellieħa filwaqt li diġà offra assistenza lill-vittmi.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li hemm nuqqas totali ta’ regolamentazzjoni tal-kuntratturi, nuqqas serju ta’ taħriġ u kompetenzi adegwati fost l-operaturi u ħaddiema fl-industrija, konfużjoni dwar ir-rwoli u responsabbiltajiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni, regolamenti tal-bini li jmorru lura għas-seklu 19 u nuqqas serju ta’ infurzar. Qalet li jekk ma titteħidx azzjoni immedjata, is-sitwazzjoni tista’ biss tmur għall-agħar.

Aqra: Filmat: Tinstab ħajja l-mara vittma tat-tiġrif fil-Mellieħa

Il-Kamra tal-Periti qalet li huwa evidenti li dan l-inċident u oħrajn simili fix-xhur li għaddew huma sintomu dirett tal-kaos li qiegħed jirrenja fl-industrija tal-kostruzzjoni. Sostniet li ilha mill-2007 ssejjaħ għal tibdil fil-qiegħ fis-sistema regolatorja iżda sal-lum għadu ma sar xejn.

Kompliet billi semmiet kif propju wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġġarraf bini fi Gwardamangia li wkoll kien biżwit sit ta’ kostruzzjoni, l-unika proposta li tħabbret wara t-tiġrif kienet li se tiġi studjata l-possibiltà li titwaqqaf Considerate Constructors Scheme li tenniet tidher li hi interpretazzjoni dgħajfa ta’ skema li titħaddem fir-Renju Unit. Qalet li l-proposta tidher li għandha sempliċiment l-għan li torbot lill-kuntratturi ma kodiċi ta’ etika b’mod purament volontarju.

“Il-Gvern inkwetat bl-inċident tal-Mellieħa”

Il-Gvern fi stqarrija qal li jinsab inkwetat bl-aħħar inċident fil-Mellieħa u li qed isegwi s-sitwazzjoni mill-viċin, filwaqt li se tkun qed tinvestiga l-każ. Qal li se tinfetaħ ukoll inkjesta maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija se jkomplu għaddejjin.

Il-Gvern qal li diġà intervjena billi offra assistenza lill-vittmi, filwaqt li se jkompli jsegwi u jassisti lil dawk kollha li kienu involuti f’kull mod possibbli.

Intant tenna li jinsab fil-proċess li tiġi stabbilita Awtorità Maltija għall-Kostruzzjoni u l-Bini bl-objettivi prinċipali jkunu sabiex jikkonsolidaw u jaġġornaw il-liġi relatata mal-industrija.

Għandha tintrefa’ r-responsabbilità – Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ qalet li l-inċident huwa sintomatiku ta’ sitwazzjoni li mhix aċċettabbli f’pajjiż ċivilizzat. Il-Kamra temmen li hemm bżonn ekonomija ta’ kwalità għolja fejn il-mentalità ta’ tajjeb biżżejjed tinbidel ma’ dik ta’ xejn ħlief l-aħjar.

Il-Kamra qalet li s-sitwazzjoni issa hija gravi u li ma jistax jinħela aktar ħin. Appellat biex tintrefa’ r-responsabbilità. Appellat ukoll lill-Gvern biex jikkunsidra li jmur oltre in-natura volontarja tal-Considerate Construction Scheme.