L-industrija tal-kostruzzjoni għandha tiġi kkontrollata – AD u PD

Miguela Xuereb

Read in English.

L-industrija tal-kostruzzjoni għandha tiġi kkontrollata skont l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku.

Fi stqarrija l-AD u l-PD qalu li organizzaw konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-iżvilupp eċċessiv.

Il-kelliem għall-PD Carmel Axiak qal li huwa magħruf li gvernijiet Maltin dejjem firxu t-tapit l-aħmar għall-industrija tal-kostruzzjoni.

Axiak qal li l-Prim Ministru Robert Abela qal li l-governanza tajba hija prijorità għall-gvern tiegħu imma fl-istess nifs jgħid li ma jridx irażżan il-kostruzzjoni. 

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li l-industrija tal-kostruzzjoni diġà għamlet wisq ħsara f’Malta. Qal li l-pajjiż għandu defiċit ambjentali.

Il-PM Robert Abela qal li s-settur tal-kostruzzjoni mhux se jiġi mrażżan. Abela qal dan waqt laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA). Qal li l-industrija tal-kostruzzjoni hija mutur ewlieni tal-ekonomija. Spjega li l-industrija hija b’saħħitha però ammetta li s-sitwazzjoni politika ftit tal-ġimgħat ilu kellha impatt fuqha.