L-Indoneżja tgħaddi liġi kontra t-terroriżmu wara attakki suwiċida fi knejjes

It-tifrik barra l-Knisja wara l-attakk suwiċida f'Mejju li għadda

Ġimgħat wara li familja radikali Musulmana wettqet attakki suwiċida fi knejjes fil-belt ta’ Surabaya, l-Indoneżja għaddiet liġi kontra t-terroriżmu bl-iskop li twaqqaf attakki simili, u fil-pajjiż li fil-maġġoranza tiegħu hu Musulman, tidħol kultura ta’ tolleranza.

L-attakki kienu seħħew fit-13 ta’ Mejju li għadda u fihom kienu nqatlu 13-il persuna u uffiċjal tas-sigurtà li kienu fil-Knisja. Dan ġara ftit qabel ir-Ramadan u kien l-agħar attakk terroristiku mill-2002 ‘l hawn fl-Indoneżja meta kien sar attack fuq turisti f’Bali.

Din id-darba, il-vittmi kienu Kristjani Indoneżjani li jiffurmaw biss 10% tal-popolazzjoni tal-pajjiż. Ħafna qed jibżgħu li dawn l-attakki jixhdu li d-diversità reliġjuża fil-pajjiż hi mhedda.

“L-Indoneżja tiftaħar bit-tradizzjoni tagħha ta’ pajjiż moderat, iżda issa l-intolleranza qed tikber tant li ħafna qed jibżgħu li d-demokrazija li tant iġġieldu għaliha tinsab fil-periklu,” qal Sidney Jones, id-Direttur tal-Istitut għall-Analiżi tal-Kunflitti li jinsab f’Jakarta.

Il-President tal-pajjiż, Joki Widodo hu Musulman moderat li għamel il-kampanja presidenzjali tiegħu bħala politiku populist iżda nadif.  Wara l-attakki tat-13 ta’ Mejju mill-ewwel wiegħed li se jiġġieled lit-terroristi u għalhekk għamel sejħa biex issir liġi kontra t-terroriżmu. Hu qal li l-pajjiż irid ikun kapaċi jwieġeb għar-radikaliżmu u sostna li l-attakki msemmija kienu riżultat tan-nuqqas ta’ miżuri preventivi kontra t-terroriżmu li hemm fil-pajjiż.