L-Indja tħares lejn l-esportazzjoni biex issaħħaħ l-ekonomija

L-Indja, li hija t-tieliet l-ikbar ekonomija fl-Asja, qed tħares lejn l-esportazzjoni sabiex issaħħaħ l-ekonomija tagħha. Dan wara riżultati ekonomiċi li qed jindikaw tnaqqis fil-konsum f’diversi setturi fl-ekonomija. L-Indja tibbaża l-parti l-kbira tal-ekonomija fuq il-konsum.  Skont Sanjeev Sanyal, il-konsulent  ewlieni tal-Ministru tal-Finanzi tal-Indja, il-pajjiż qed jaħdem fuq strateġija li tnaqqas id-dipendenza fuq ekonomija tal-konsum għal waħda iktar orjentata lejn l-esportazzjoni.

Huwa tenna li l-Indja għandha tħares lejn il-battibekki li għaddejin bħalisa bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti bħala opportunità sabiex terbaħ parti importanti mis-suq internazzjonali. Data uffiċċjali dwar il-konsum fl-Indja jindika li s-settur tal-bejgħ tal-karozzi naqas bi 17 % f’April ta’ din is-sena, l-għar tnaqqis li kien hemm fl-aħħar tmintax-il sena. Intant, ir-Reserve Bank tal-Indja naqqas it-tkabbir imbassar għas-sena 2020 minn 7.4% għal 7.2%.

Fiat Chrysler turi interess li tingħaqad ma’ Renault

Fiat Chrysler issottomettiet l-interess tagħha li tingħaqad mal-ġgant Franċiż tal-karozzi Renault. Skont stqarrija ta’ Fiat Chrysler il-proposta tagħhom hija li din l-għaqda tkun b’shareholding ta’ 50/50 bejn iż-żewġ kumpanija, filwaqt li bord ta’ gvernaturi jieħu ħsieb it-tmexxija tal-maġġoranza tad-diretturi indipendenti.

Ma’ din l-aħbar, l-ishma fil-kumpanija Fiat Chrysler telgħu bi 13 fil-mija filwaqt li dawk tar-Renault żdiedu bi 11.5 fil-mija. Din il-proposta għad trid tgħaddi mill-għarbiel intern tal-Fiat u tar-Renault. Skont rapporti fuq il-mezzi internazzjonali, il-membri tal-bord tat-tmexxija ta’ Renault se jkunu qed jiltaqgħu fil-ġranet li ġejjin sabiex jevalwaw dawn il-proposti u jiddeċiedu jekk Renault għandhomx jaċċettaw jew le din it-talba mill-Fiat Chrysler.

Skont Fiat Chrysler, l-għaqda eventwali bejn iż-żewġ entitajiet tkun qed tiġġenera tnaqqis fl-ispejjeż ta’ kważi 5 biljun ewro fis-sena. Fiat stqarrew li din il-proposta mhux se twassal biex jingħalqu l-ebda fabbriki, fl-istess waqt se tkun qed issaħħaħ l-opportunità li jsiru investimenti f’oqsma ġodda fosthom tal-vetturi elettriċi.

Is-sena li għaddiet, Fiat Chrysler biegħhet 4.85 miljun vettura internazzjonalment filwaqt li Renault biegħhet 3.81 miljun.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.