L-Indja tapprova żewġ vaċċini kontra l-Covid-19

Read in English.

L-awtoritajiet tas-saħħa Indjani approvaw l-użu ta’ żewġ vaċċini kontra l-Covid-19: il-vaċċin żviluppat mill-Università ta’ Oxford u Astra Zeneca, u ieħor żviluppat fl-Indja stess minn Bharat Biotech.

L-approvazzjoni taż-żewġ vaċċini mis-Central Drugs Standard Control Organization waslet hekk kif il-pajjiż, li għandu popolazzjoni ta’ aktar minn 1.3 biljun persuna, qed jipprepara biex jagħti l-vaċċin lill-akbar numru ta’ persuni possibli matul din is-sena.

L-Indja qed tippjana li tagħti l-vaċċin lil madwar 300 miljun persuna din is-sena.

S’issa kien hemm aktar minn 10.3 miljun każ magħruf ta’ Covid-19 fil-pajjiż, u l-pandemija kkawżat viċin ta’ 150,000 mewt.