Ħamiema li ttajret mill-Pakistan minn qrib l-Istat Indjan ta’ Kashmir kienet arrestata mill-awtoritajiet Indjani taħt suspett li t-tajra kienet qed tgħaddi informazzjoni għal terroriżmu f’dak l-Istat.
Il-każ beda meta raġel Pakistani tajjar il-ħamiema bħas-soltu. Il-ħamiema niżlet f’raħal f’Kashmir u xi ħadd ra li din kellha ċurkett ma’ sieq minnhom b’xi numri fuqha. Wara li rnexxielhom jaqbduha ħaduha l-għassa tal-Pulizija.
Il-Pulizija bdew jissuspettaw li n-numri fuq iċ-ċurkett kienu messaġġ lil xi militanti Pakistani li huma moħbija fl-Istat tagħhom biex iwettqu azzjoni kontra l-Indja f’Kashmir, Stat li ż-żewġ pajjiżi issa ilhom snin twal jiġġieldu dwaru għax it-tnejn isostnu li hu tagħhom.
Sid il-ħamiema, Habibullah, qal li n-numri fuq iċ-ċurkett tal-ħamiema huwa n-numru tat-telefon tiegħu. Issa qed jappella lill-Prim Ministru Indjan Narendra Modi, biex jeħlislu l-ħamiema mill-ħabs.