“L-indipendenza tagħna mhedda internament” – PD

Il-Partit Demokratiku sostna li l-Indipendenza tal-Gżejjer Maltin qed tiġi mhedda mhux mill-barrani, imma internament minħabba li d-demokrazija dejjem qed tiġi mnaqqra minn dawk li qegħdin hemm biex jipproteġuha.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku spjega kif illum Malta qed tiċċelebra l-54 anniversarju tal-Indipendenza, jum storiku fejn il-Maltin setgħu jibdew jiddeċiedu waħedhom għall-ġid u għall-futur tagħhom.

Il-PD sostna li l-iżmantar u d-dgħufija tal-istituzzjonijiet, kif ukoll il-kompromessi li qed inaqqsu s-separazzjoni tal-poteri bejn l-Eżekuttiv, il-Leġislattiv u l-Ġudikatura, qalu li rriżultaw fi Gvern “li b’saħħa kbira qed jirrombla fuq kulħadd.” Il-partit sostna li l-midja ħielsa hija mhedda, l-Oppożizzjoni hija mifruda, u l-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet li jpoġġu f’riskju dak li Malta ggwadanjat matul is-snin.

Bħala eżempju l-partit irrefera għad-deċiżjoni li ttieħdet dwar il-proġett tal-grupp db għal binja ta’ 38 sular minflok il-bini li kien jintuża għall-ITS. Irrimarka li dan hu każ ċar fejn Awtorità dgħajfa approvat proġet li kellu oġġezzjonijiet.