L-indifferenza llum saret mikrobu li jittieħed

Il-Papa Franġisku, f’diskors li għamel lid-delegati li qed jattendu konferenza internazjonali f’Ruma dwar ir-"Responsabbiltajiet tal-Istati, l-Istitutuzzjonijiet u l-Individwi fil-ġlieda kontra l-Anti-Semitiżmu" enfasizza l-importanza tar-responsabbiltà, it-tifkira u l-edukazzjoni f’din il-ġlieda.
Dwar ir-responsabbiltà l-Papa qal li “aħna responsabbli meta nkunu kapaċi nwieġbu. Din mhix sempliċement kwestjoni li nanalizzaw il-kawżi tal-vjolenza u nirrifjutaw l-argumenti perversi li jinġiebu, imma rridu nkunu ppreparati biex inwieġbu għalihom attivament”.
L-għadu tagħna mhux biss il-mibegħda f’kull forma tagħha, imma aktar importanti hi l-indifferenza għax hi din l-indifferenza li tipparalizza u ma tħalliniex nagħmlu dak li hu sewwa, anke meta nafu li dan hu sew.”
Il-Papa qal li ma jiddejjaqx jirrepeti li “l-indifferenza hi mikrobu li llum sar kontaġġjuż ħafna, fi żmien meta għandna ferm aktar kuntatt mal-oħrajn imma aħna anqas attenti għalihom”.
Franġisku fakkar fil-kommemorazzjoni tal-Olokawst li saret ftit jiem ilu u qal li “biex insalvaw 'l-umanità tagħna, biex nifhmu r-realtà u negħlbu d-diversi forom ta’ apatija lejn il-ġirien tagħna, irridu li nibqgħu niftakru…”
Il-memorja hi ċ-ċavetta tal-futur u hi r-responsabbiltà tagħna li ngħaddu din il-memorja b’mod dinjituż lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.
Il-Papa temm billi enfasizza li biex ikollna kultura ta’ responsabbiltà, u għaqda u nibqgħu niftakru, għandna bżonn formazzjonii tajba.
“Għandna bżonn urġenti li nedukaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tinvolvi ruħha attivament fil-ġlieda kontra l-mibegħda u d-diskriminazzjoni u biex negħlbu l-pożizzjonijiet kunfliġġenti tal-passat u ma negħjew qatt infittxu u ngħinu lill-oħrajn”.