L-indiċi finanzjarji milquta minn aħbarijiet kunfliġġenti

Il-bejgħ fil-ħwienet fiż-żona ewro jidher li kien tajjeb fit-tielet kwart tas-sena.
Bosta qalu li l-bejgħ kien aħjar milli mistenni f’ċerti pajjiżi.
Madankollu dan mhux qed ikun rifless fl-indiċi finanzjarji ta’ bosta pajjiżi.
Inkwiet ta’ defiċit u nuqqas ta’ negozji f’pajjiżi bħall-Italja u Franza qed iwasslu għal nuqqas ta’ fiduċja fis-swieq.
Hekk kif il-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar li se jkun qed jixtri prodotti finanzjarji f’diversi pajjiżi, bosta analisti qalu li dan huwa riskjuż u nisslu dubju dwar kemm verament l-Ewropa qed tirpilja jew le.
L-ishma ta’ Easyjet raw żieda ta’ 5% hekk kif tħabbar li se jkollha profitti tajba.
Il-problemi f’Hong Kong u l-ewwel każ ta’ ebola fl-Istati Uniti ħallew impatt negattiv ferm fuq is-swieq Amerikani.
Dawn tilfu fil-valur u niżlu għal livelli li kienu f’Ġunju li għadda.
Is-suq prinċipali Amerikan magħruf bħala S&P 500, tilef kważi 5% fl-aħħar xahar.
Id-dollaru Amerikan kompla jissaħħaħ minkejja li riżultati ekonomiċi tal-Istati Uniti mhux qed juru xi titjib sostanzjali fil-pajjiż. Id-dollaru Amerikan kompla jissaħħaħ kontra kull munita oħra u laħaq l-ogħla livelli tal-aħħar erba’ snin. L-isterlina tinsab f’livell baxx kontra l-ewro, liema livell ilna ma narawh għal iktar minn erba’ snin.
L-ishma ta’ Facebook raw żieda ta’ 60% fl-aħħar sena. Jidher li ma hemmx problemi legali biex Facebook tixtri Whatsapp għal 19-il biljun dollaru Amerikan.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250
 
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment