​L-indiċi finanzjarji dinjija jieħdu daqqa qawwija ’l isfel

L-indiċi finanzjarji madwar id-dinja jinsabu fejn kienu disa’ xhur ilu.
F’temp ta’ ftit jiem, iż-żidiet ta’ disa’ xhur sħaħ intilfu. Dan seħħ fejn jidħlu l-ishma.
Fis-suq tal-bonds kien hemm xi tnaqqis żgħir f’ċertu industriji.
Is-suq Ġermaniż, magħruf bħala DAX, li jinkludi l-kumpaniji l-iktar b’saħħithom fil-Ġermanja, niżel fil-livelli li kien sena ilu. Dan huwa ta’ tħassib meta wieħed iqis li l-Ġermanja hi l-ikbar mutur tal-ekonomija Ewropea.
Bosta analisti tkellmu dwar x’qed iwassal għal dan.
Jidher li hemm diversi fatturi li qed jikkontribwixxu biex wieħed jibża’ jinvesti. Fost dawn, insibu statistika negattiva dwar il-manifattura fl-Ewropa, in-nuqqas ta’ saħħa tal-ekonomija Ċiniża u l-Ġappun, il-protesti f’Hong Kong, tensjoni bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll it-tixrid tal-marda qerrieda, l-ebola.
L-ishma ta’ Google tilfu 20% fil-valur tagħhom fl-aħħar xahar.
L-ewro kompla jbatti mad-dollaru Amerikan hekk kif l-ekonomija Amerikana qed tkun ikkunsidrata bħala l-unika mutur ekonomiku li qed imexxi id-dinja ’l quddiem. Il-previżjonijiet jindikaw li fl-2015 se jkun hemm rekord ta’ bejgħ ta’ karozzi fl-Istati Uniti.
Bosta qed jistennew iktar tensjoni bejn ir-Russja u l-Ewropa hekk kif wasalna biex nibdew ix-xitwa, bir-Russja thedded li tieqaf milli tbiegħ gass lill-Ewropa.
Dawn l-aħbarijiet ħżiena li seħħew fl-Ewropa wasslu biex is-swieq Amerikani wkoll ħadu daqqa ’l isfel. L-ikbar swieq Amerikani, jiġifieri Nasdaq u S&P 500, raw tnaqqis.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250
 
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma ipprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu ikkunsidrati bħala parir ta’ investiment