L-indiċi finanzjarji Amerikani jissaħħu ferm iktar minn dawk Ewropej matul l-2014

Minkejja li l-fatt li l-qgħad f’diversi pajjiżi fl-Ewropa beda nieżel, dan ma kienx biżżejjed biex jgħin l-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi.
Il-qgħad fil-Portugall, fil-Greċja, fi Spanja u fl-Irlanda naqas bi ftit matul l-2014, iżda ir-rata tal-qgħad għadha għolja ferm.
Għall-kuntrarju, fl-Istati Uniti kien hemm rekord ta’ nies jaħdmu.
L-ekonomiji Ewropej għadhom dgħajfa u għad hemm bżonn bosta riformi f’diversi pajjiżi biex l-Ewropa tissaħħaħ. Sadattant id-dollaru Amerikan kompla jissaħħaħ u l-ekonomija Amerikana qed tikber b’rata tajba.
Ir-rata tal-qgħad fl-Amerika hija ta’ 5.8% waqt li dik fiż-żona ewro hi d-doppju, 11.6%. Fl-Awstralja ir-rata ta’ nies bla xogħol hi ta’ 6%.
L-indiċi finanzjarji rriflettew dan kollu fl-aħħar xhur.
Filwaqt li l-indiċi S&P 500, li jkopri l-ikbar 500 kumpanija Amerikana, żdied b’iktar minn 11% fl-aħħar sena, dak Ġermaniż żdied bi 2.65%. L-indiċi Ingliż u dak Franċiż saħansitra raw tnaqqis żgħir fuq is-sena ta’ qabel.
Matul is-sena li għadha kemm intemmet kien hemm xejriet varji f’diversi setturi oħra.
Waqt li l-prezz taż-żejt instabat u jinsab f’livelli vera baxxi, il-prezz tal-kafè żdied b’50%. Il-prezz tal-gass niżel bi 30%, waqt li dak taz-zokkor tilef 11.5% fil-prezz. Dan qed iwassal għal rati ta’ inflazzjoni baxxi f’bosta pajjiżi. L-indikazzjonijiet għas-sena li għadha kif bdiet huma li mhux mistenni ċaqliq kbir.
Is-sena 2014 kompliet tara l-prezzijiet tal-bonds jiżdiedu hekk kif bosta investituri bidlu l-investimenti tagħhom minn ishma għal bonds.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment