L-indħil barrani fil-kunflitt Libjan laħaq livelli bla preċedent – Guterres

FILE PHOTO: United Nations Secretary-General Antonio Guterres attends a session of the Human Rights Council at the United Nations in Geneva, Switzerland, February 24, 2020. REUTERS/Denis Balibouse/File Photo

Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres nhar l-Erbgħa, widdeb lill-Kunsill tas-Sigurtà li l-kunflitt fil-Libja daħal f’fażi ġdida “b’livelli bla preċedent” ta’ indħil barrani u merċenarji fil-pajjiż produttur taż-żejt.

Il-Libja daħlet f’kaos sħiħ wara li l-forzi megħjuna minn-NATO kienu neħħew lil Muammar Gaddafi mill-poter fl-2011. Sa mill-2014, il-pajjiż baqa’ maqsum bi gvern rikonoxxut internazzjonalment b’kontroll tal-kapitali, Tripoli filwaqt li l-mexxej militari Khalifa Haftar f’Benghazi b’poter fuq il-lvant tal-pajjiż.

Haftar għandu l-appoġġ tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu u r-Russja, filwaqt li l-gvern għandu l-appoġġ tat-Turkija.

“Il-kunflitt daħal f’fażi ġdida bl-indħil barrani jilħaq livelli mingħajr preċedent, inkluż fit-twassil ta’ tagħmir sofistikat u n-numru ta’ merċenarji nvoluti fil-ġlied,” qal Guterres.

Il-kuntrattur militari privat Russu Wagner Group għandu sa 1,200 persuna skjerata fil-Libja, li qed isaħħu l-forzi ta’ Haftar, skond rapport kunfidenzjali ta’ Mejju wara monitoraġġ ta’ sanzjonijiet indipendenti lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Libja tal-Ġnus Magħquda.

“Qed inkomplu nopponu kull forma ta’ intervent militari fil-Libja,” qal l-ambaxxatur Amerikan għall-Ġnus Magħquda Kelly Craft. “M’hemmx post għal merċenarji barranin jew forzi oħra fil-Libja, inklużi … proxies tal-Gvern Russu.”

L-Ambaxxatur Russu għall-Ġnus Magħquda Vassily Nebenzia ċaħad l-akkużi ta’ involviment Russu fil-Libja.

“Sadattant nafu dwar persunal militari ta’ pajjiżi oħra, inkluż minn dawk il-pajjiżi li qed jakkużawna, li jinsabu preżenti fil-Libja, fil-Lvant u fil-Punent,” qal lill-kunsill, filwaqt li stieden lill-istati kollha li b’xi mod għandhom influwenza fuq il-partijiet Libjani sabiex ifittxu li jiksbu waqfien mill-ġlied.

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Emirati Għarab Magħquda, Anwar Gargash, qal lill-kunsill li hemm “madwar 10,000 merċenarji Sirjani li qed joperaw fil-Libja, madwar id-doppju ta’ dawk li kien hemm sitt xhur ilu.”

Il-partijiet involuti fil-gwerra, bħalissa qed jimmobilizzaw il-forzi tagħhom bejn il-bliet ta’ Misrata u Sirte. L-Eġittu wissa li kwalunkwe sforz appoġġjat mit-Turkija biex tintrebaħ Sirte jista’ jwassal lill-armata tiegħu sabiex tintervjeni direttament.

“Ninsabu mħassbin ħafna dwar il-mod allarmanti kif qed tiżdied l-attività militari madwar il-belt, u l-livell għoli ta’ indħil barrani dirett fil-kunflitt li huwa vjolazzjoni ta’ l-embargo fuq l-armamenti tal-Ġnus Magħquda, ir-riżoluzzjonijien tal-Kunsill ta’ Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u l-impenn li ħadu l-Istati Membri f’Berlin,” qal Guterres.

Guterres qal li bejn April u Ġinju ta’ din is-sena, il-missjoni tal-Ġnus Magħquda irrappurtat ta’ l-inqas il-mewt ta’ 102 persuna ċivili u 254 oħra midruba – żieda ta’ madwar 172% meta mqabbel mal-ewwel tlett xhur ta’ l-2020. Huwa qal li kien hemm ukoll ta’ l-inqas 21 attakk fuq faċilitajiet mediċi, ambulanzi u persunal mediku.

Guterres sejjaħ ukoll lill-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tittieħed azzjoni dwar l-indħil minn xi uffiċjali għolja li qed ixekklu eżerċizzju internazzjonali ta’ awditjar tal-Bank Ċentrali Libjan.