“L-inċidenti jseħħu kuljum”; bżonn ta’ aktar donazzjonijiet tad-demm

Read in English.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm sostna li l-inċidenti jseħħu kuljum u b’hemm hemm bżonn ta’ aktar donazzjonijiet tad-demm.

F’appell, is-Servizz flimkien mad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-entitajiet fi ħdan il-Kunsill Dwar is-Sigurtà fit-Toroq appellaw għal ħafna aktar prudenza fis-sewqan u fil-bżonn li wieħed iħares ir-regolamenti tas-sewqan u t-traffiku.

Is-Servizz saħaq li fejn tidħol is-sigurtà fit-toroq m’għandux ikun hemm kompromessi u min se jieħu riskju jew jabbuża għandu jaħseb fil-konsegwenzi “għax l-arloġġ qatt ma’ jerġa’ lura u tant ieħor id-diżabiltajiet u agħar minnhekk il-ħajjiet li jintilfu”.

Intant, is-Servizz irringrazzja lil dawk kollha li jagħtu d-demm kull ġimgħa filwaqt li ħeġġeġ lil oħrajn sabiex jagħmlu dan il-pass f’dawn l-opportunitajiet imniżżla hawn taħt:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8am sas-6pm.
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 1 ta’ Settembru mit-8.30am sas-1pm ser ikun fil-Pjazza tas-Saqqajja r-Rabat.
  • fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li nhar il-Ħadd 1 ta’ Settembru se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.