L-inċidenti, it-tfal u t-terroriżmu fil-quċċata tal-2015

Kronaka, ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, it-terroriżmu u t-traffiku kienu s-suġġetti tal-aktar aħbarijiet segwiti fl-2015 fuq Newsbook.com.mt.
Mill-avvenimenti kollha li ġraw is-sena li għaddiet, l-iktar aħbar li nqrat fuq Newsbook.com.mt kienet dik dwar it-tifel ta’ 12-il sena li nqabad isuq fil-Ħamrun mill-Pulizija, u li ommu allegat li ssawwat mill-Pulizija meta qabduh.
Din kienet segwita minn artiklu dwar ir-riżultat tal-awtopsja taż-żagħżugħ Matthew Demicoli ta’ 17-il sena li miet fi triqtu lejn il-Higher Secondary fin-Naxxar u l-inċident traġiku waqt Paqpaqli għall-Istrina fejn weġġgħu 26 persuna.
Storja oħra fil-quċċata tal-artikli l-aktar segwiti fuq Newsbook.com.mt hi relatata mar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa fejn fil-midja barranija ngħad li Malta għandha titkeċċa mill-Unjoni Ewropea.
L-artikli li segwew kienu dak dwar it-twissija tal-Mossad li l-Istat Iżlamiku se jattakka għaxart ibliet Ewropej f’daqqa u r-rakkont ta’ oħt Rodwan, it-tfajjel li miet wara li ttajjar f’Pembroke u l-inċident tal-massa f’Paceville meta ċediet parti minn taraġ tal-ħġieġ ta’ klabb.
Mill-istatistika tal-aktar stejjer popolari rriżulta wkoll li t-traffiku u s-sewqan jolqtu fil-laħam il-ħaj lill-poplu Malti, hekk kif ir-rapport dwar likwidu fit-triq fl-inħawi tal-Addolorata sab ruħu mal-aktar għaxar stejjer segwiti.
Storja b’laqta umoristika li qanqlet interess kbir fost is-segwaċi ta’ Newsbook.com.mt kienet dik dwar li l-aħwa l-kbar huma aktar intelliġenti minn ħuthom iż-żgħar.