‘L-inċident tal-bieraħ iħalli impatt negattiv’ – Bjorn Vassallo

Anthony Cassar

Dwar l-attakk vjolenti fuq wieħed mill-uffiċjali tal-Malta FA waqt il-logħba li ntlagħbet il-bieraħ, Bjorn Vassallo qal li jqisu bħala offiża serja ħafna. Qal li jqisha daqslikieku kien każ ta’ korruzzjoni. L-inċident tal-bieraħ iħalli impatt negattiv u jixħet dawl ikrah fuq il-logħba tal-futbol.

Ir-riperkussjonijiet ta’ inċidenti bħal dawn iħallu ħafna riperkussjonijiet. Il-persuna li wettqet l-inċident weħlet muta ta’ €100 iżda r-riperkussjonijiet li ġab miegħu l-inċident huma ħafna akbar mil-multa skont Vassallo.

Dawn kienu l-kummenti tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol Bjorn Vassallo b’reazzjoni għall-inċident li seħħ fil-logħba mit-Tieni Diviżjoni tal-GFA bejn Sannat Lions u Oratory Youths. L-uffiċjal tal-logħba Andrea Pavia kien agredit minn wieħed mill-plejers.

Vassallo saħaq li bl-istess mod ta’ kif ħadu passi biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fl-isport, l-istess se jkunu qed jagħmlu biex jemendaw il-liġijiet u l-kodiċi dixxiplinarji biex jipproteġu l-valuri sportivi.

Kelliema għall-Pulizija l-bieraħ ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-ġlieda seħħet waqt logħba futbol għall-ħabta tat-2.45pm. Hu mifhum li l-argument kien jinvolvi plejer tal-football u referee. Il-Pulizija spjegat li persuna qed tiġi mitkelmma b’rabta ma’ dan il-każ

Żagħżugħ ġie lliberat illum wara li lbieraħ ħebb għal żagħżugħ ieħor waqt logħba futbol f’Għawdex. L-akkużat wieġeb ħati u ġie lliberat fuq numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom multa ta’ €100 u bil-garanzija li ma jersaqx lejn grawnd tal-futbol għal sena.