“L-inċertezza hi l-akbar sfida iżda se noħorġu minnha aktar b’saħħitna” – Fabio Axisa

Read in English.

“L-akbar domandi għan-negozji bħalissa huma kemm se ddum din is-sitwazzjoni u kif se jkun ix-xenarju wara li tgħaddi l-emerġenza li ġabet magħha l-imxija tal-coronavirus.” Hekk sostna f’intervista waqt Newsbook Hour fuq 103 FM Fabio Axisa, il-President tal-Malta Institute of Accountants (MIA), assoċjazzjoni li tħaddan fiha aktar minn 3,500 professjonist.

Huwa spjega kif għalkemm l-aktar li qed nitkellmu dwarhom huma l-kumpaniji li ntlaqtu direttament bħal-lukandi, ristoranti u ħwienet oħrajn li kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba r-restrizzjonijiet imposti, ħafna minn dawn in-negozji jagħmlu użu b’mod regolari minn professjonisti bħal accountants, periti, nutara u oħrajn. Ħafna mill-kumpaniji bdew jillimitaw ir-riżorsi tagħhom u għalhekk dawn il-professjonisti qed iħossu l-impatt ta’ din il-kriżi huma wkoll. Fabio Axisa qal li jifhem li l-ewwel għajnuna kellha tmur lejn dawn l-entitajiet li letteralment raw in-negozju tagħhom jieqaf kompletament, iżda hu xieraq li l-awtoritajiet iwieżnu s-setturi u l-ħaddiema kollha li ntlaqtu b’mod jew ieħor minn din il-kriżi.

Kif qed jirrispondi l-Institute of Accountants għal dawn iċ-ċirkostanzi?

Il-President tal-MIA spjega kif, ironikament, għalkemm ix-xogħol għal membri tal-Assoċjazzjoni qala’ daqqa ta’ ħarta, fl-istess waqt in-negozji f’pajjiżna qed jiddependu fuq l-accountants, l-awdituri u l-konsulenti finanzjarji tagħhom aktar minn qatt qabel, sabiex jirrevedu n-numri tagħhom u jagħmlu l-proġettazzjonijiet għax-xhur li ġejjin. 

“Parti mir-rwol tal-MIA huwa li nsostnu u nappoġġjaw lill-professjonisti b’linji gwida prattiċi dwar kif għandhom jittrattaw is-sitwazzjonijiet straordinarji li qed jiltaqgħu magħhom bħalissa.” Fabio Axisa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan iż-żmien qed joħroġ il-vokazzjoni tal-professjonisti tas-settur li jsibu s-soluzzjonijiet għall-klijenti. “Dan huwa żmien ta’ inċertezza għall-accountants ukoll imma bħala professjonisti huma impenjati li jaqdu l-bżonnijiet tal-klijenti tagħhom u jgħinu lin-negozji joħorġu minn din is-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli”.

L-MIA tinsab ukoll f’kuntatt kontinwu mal-imsieħba tagħha barra l-pajjiż hekk kif bosta mill-isfidi huma problemi komuni tal-professjoni sħiħa madwar id-dinja. “Grazzi għal din il-kollaborazzjoni, l-MIA qed tagħti gwida ċara u kontinwa lill-membri f’Malta sabiex huma japplikaw metodi konsistenti u aġġornati. F’dan is-sens, l-esperjenza internazzjonali tagħna twassalna biex inkunu aktar aġli fis-soluzzjonijiet tagħna”, kompla jgħid Axisa.

Il-ħaddiema tal-Institute kienu proattivi biex jibdlu l-operat għal xogħol remot u, fil-fatt, dawn il-passi ta’ sigurtà ttieħdu minn qabel ma kienu tħabbru l-miżuri tal-gvern. Għalhekk f’din realtà ġdida l-MIA qed tieħu l-okkażjoni biex taġġorna l-mod ta’ kif taħdem filwaqt li tibqa’ viċin tal-membri u l-bżonnijiet tagħhom. 

Fabio Axisa spjega kif “il-membri b’mod ġenerali kellhom ukoll jibdlu l-mod kif joperaw u jaqdu lill-klijenti. Filwaqt li t-teknoloġija hija opportunità fantastika, ir-rwol tagħna jitlob ukoll l-aċċess għal evidenza fiżika, għalhekk qed isiru sforzi akbar biex ix-xogħol jibqa’ jsir b’mod tajjeb u effiċjenti”.

Il-President temm jgħid li huwa jinsab “kburi kif il-professjoni f’Malta adattat malajr u b’determinazzjoni għal dan iż-żmien u għandi l-fiduċja sħiħa li l-membri tagħna qed ikomplu jaqdu d-dmirijiet tagħhom bl-ogħla standards biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni aktar b’saħħitna”. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn