L-imwiet fi Spanja jaqbżu l-20,000 minħabba l-coronavirus

REUTERS/Nacho Doce

L-imwiet fi Spanja qabżu l-20,000 persuna minkejja li llum ir-rata ta’ mwiet telgħet b’pass aktar ħafif minn ġranet oħrajn. Kawża ta’ dan il-Gvern qed jiddibatti jekk għandux jitlob estenzjoni mill-ġdid għal-lockdown fil-pajjiż.

L-għadd ta’ mwiet reġistrati llum kien dak ta’ 565, jiġifieri 20 mewta inqas mill-bieraħ, skont il-Ministeru għas-Saħħa tal-pajjiż. In-numru ta’ każi pożittivi tal-coronavirus tela’ għal 191,726 minn 188,068.

Intant, kelliem għall-awtoritajiet tas-saħħa fil-pajjiż qal li d-data tal-isptarijiet, l-għadd ta’ mwiet u l-ammissjonijiet fl-ICU baqgħu dejjem jonqsu fl-aħħar jiem. Hu qal li qed jistenna’ li jerġa’ jara żieda fil-każi identifikati hekk kif qed isiru t-testijiet b’mod aktar rapidu fl-aħħar tliet ġimgħat.

Spanja bdiet tnaqqas il-lockdown strett li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Marzu hekk kif din il-ġimgħa fetħet mill-ġdid xi setturi tal-ekonomija, inkluż il-manifattura. Minkejja dan, il-maġġoranza taċ-ċittadini għadhom maqfulin fi djarhom sakemm mhux sabiex jagħmlu x-xirjiet essenzjali. Lanqas it-tfal ma għandhom permess li joħorġu barra biex jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju.

Fid-9 ta’ April, il-Parlament approva estenzjoni ta’ 15-il jum għall-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż li wasslu għall-miżuri ta’ lockdown totali. Il-Prim Ministru Soċjalista Pedro Sanchez qal li hu kien ċert li kien se jkollu jitlob għal tiġdid tal-lockdown li jwassal sa’ Mejju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn