L-imwiet bil-coronavirus fid-dinja jaqbżu l-miljun

People wearing protective face masks queue at a post office in Mandelieu where wearing a protective face mask is compulsory following a municipal decree during the outbreak of the coronavirus disease (COVID-19) in France, May 4, 2020. REUTERS/Eric Gaillard

Illum intlaħqu l-miljun mewta bil-coronavirus fid-dinja. Bħalissa t-total ta’ mwiet huwa ta’ 1,000,502.

Minkejja dan in-numru allarmanti, l-għadd ta’ persuni li fiequ huwa ferm akbar, b’total ta’ 24,519,342 persuna. Fid-dinja b’kollox kien hawn 33,192,997 każ tal-coronavirus.

Minn dawn, 99% qed jitqiesu bħala każijiet ħfief, li fihom dak li jkun ma jkollux sintomi qawwijin u jkun jista’ jfiq faċilment mill-virus. 1% kienu f’kundizzjoni serja jew kritika li wasslet għall-mewt tagħhom. Normalment, meta jiġri dan, il-pazjenti inkwistjoni jkunu vulnerabbli billi jkunu anzjani jew ikollhom problemi oħrajn ta’ saħħa.

F’Malta l-imwiet bil-coronavirus żdiedu drastikament fl-aħħar ġimgħat. Fil-maġġoranza tagħhom, il-vittmi Maltin tal-virus kienu anzjani, uħud minnhom li laqqtu l-virus minn ġo dar tal-anzjani.

Ilbieraħ, għadd ta’ attivisti nġabru ħdejn l-Isptar Mater Dei biex isellmu lil dawk li ħallewna. Huma xegħlu xemgħat jew fjakkoli għall-memorja tagħhom, u insistew li dawn m’għandhomx jitqiesu biss bħala statistika jew numru, imma fakkru li dawn kienu familja ta’ xi ħadd.