L-imsieħba soċjali jiddiskutu l-isfidi li għandha Malta

Il-membri tal-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) u l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) ddiskutew l-isfidi li għandhom il-Gżejjer Maltin waqt laqgħa dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-Sena 2018.
Huma kienu mistiedna sabiex jiddiskutu d-dokument ta’ konsultazzjoni ppreżentat mill-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, li se jiġi sottomess lill-Kummissjoni Ewropea f’April li ġej.
Il-laqgħa konġunta kienet ippresidjata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia, li sostna li l-MCESD għandu mhux biss jirreaġixxi għall-ħidma tal-lbieraħ, iżda jaħdem, jiddiskuti u jipproponi fejn se jkun il-pajjiż għada.
Fid-diskors tagħha l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej, Helena Dalli, fakkret li aktar ma jkun hemm strateġija, implimentazzjoni u djalogu soċjali, pajjiżna jirċievi anqas rakkomandazzjonijiet speċifiċi, u jikseb iktar riżultati konkreti, tkabbir dinamiku, xogħol, kif ukoll prospetti fiskali pożittivi.
Qalet ukoll li l-MCESD u l-MEUSAC għandhom itellgħu iktar laqgħat konġunti peress li ħafna drabi jiddiskutu suġġetti komuni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Scicluna spjega li l-programm jiffoka primarjament fuq l-implementazzjoni ta’ żewġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi (Country Specific Recommendations) u dwar il-proċess biex jinkisbu l-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għas-sena 2020.
Il-Ministru Scicluna spjega li wara t-traspożizzjoni tad-direttiva magħrufa bħala Anti-Money Laundering Directive (AMLD IV), twaqqaf il-Kumitat Nazzjonali ta’ Kordinament biex isaħħaħ is-superviżjoni u l-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji biex ikunu kumbattuti l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo