L-imsieħba soċjali jesprimu sodisfazzjon għall-miżuri ġodda tal-Gvern

Miguela Xuereb

Diversi imsieħba soċjali esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-miżuri l-ġodda li ħabbar il-Gvern ilbieraħ. Dan wara sigħat twal ta’ laqgħat ma’ diversi imsieħba soċjali li taw il-proposti tagħhom ta’ x’inhu l-aħjar mod li n-negozji Maltin jiġu mgħejjuna bih. Fost il-miżuri li ħabbar, il-Gvern qal li se jħallas €800 fix-xahar lill-ħaddiema tar-ristoranti u tal-akkomodazzjoni fost oħrajn.

“Sodisfatti li l-Gvern sema t-talbiet tagħna” – MHRA

Il-President tal-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA), Tony Zahra, qal li huma sodisfatti li t-talbiet li għamlu huma lill-Gvern, il-Gvern semagħhom. Sostna li fi żminijiet bħal dawn kulħadd għandu jaħdem flimkien u juża l-għarfien kollettiv, esperjenza u ħidma sabiex jeradika l-għadu komuni, il-COVID-19. L-MHRA, fi stqarrija, insistiet li dawn il-miżuri se jgħinu lis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu jkampa f’din il-maltempata.

“Il-miżuri l-ġodda jikkunsidraw lill-intrapriżi Għawdxin” – GBC u GTA

Il-Kamra tal-Kummerċ għal Għawdex u l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu għal Għawdex qalu li l-inċentivi finanzjarji ġodda li ħabbar il-Gvern ilbieraħ jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi speċjali li jinsabu fihom l-intraprizi Għawdxin. Qalu li se jkomplu jaħdmu mal-Gvern u wkoll ma’ stakeholders oħrajn sabiex isegwu l-kundizzjonijiet tan-negozji fuq livell lokali u nazzjonali biex il-pakketti finanzjarji jkomplu jindirizzaw il-problemi li verament qed jaffaċjaw in-negozji fil-pajjiż.

“Nilqgħu l-miżuri; nibqgħu nsemmgħu leħinnha” – Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji

Il-Kamra tal-Kummerċ għan-Negozji Żgħar u Medji qalet li kienet f’diskussjoni kontinwa mal-Prim Ministru fejn insistiet li l-miżuri għall-qagħad għandhom ikunu miżuri biex ħaddiema ma jitkeċċewx minflok. Qalet li filwaqt li tilqa’ l-miżuri, se tibqa’ ssemma’ leħinha dwar il-problemi li se jkunu qed jaffaċċjaw in-negozji żgħar u medji.

Il-Kamra rreferiet għall-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ bħala “l-ewwel pass” u ddeskrivithom bħala “pożittivi”. Intant kompliet tgħid li hemm setturi oħrajn u individwi oħrajn li għandhom bżonn jingħataw l-għajnuna f’dan iż-żmien u b’hekk se tkompli tiddiskuti u tipproponi soluzzjonijiet li jilħqu lil dawn in-negozji wkoll.

“Il-miżuri ta’ sapport għan-negozji jirriflettu l-proposti tagħna” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija qalet li tinsab sodisfatta bil-miżuri li ħabbar il-Gvern wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, inkluż l-istess kamra. Qalet li l-miżuri mħabbra jirriflettu l-proposti li kienet qed tagħmel hi fl-aħħar ġimgħat. Il-Kamra qalet li se tkun qed issegwi s-sitwazzjoni mill-qrib filwaqt li tibqa’ tikkomunika mal-Gvern aktar kemm tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Il-Kamra kompliet tgħid li l-miżuri qed jintlaqgħu fil-kuntest ekonomiku preżenti u fl-istat li l-pajjiż jinsab fih bħalissa. Sostnew li dawn jindirizzaw, kif suppost, is-setturi li l-aktar intlaqtu. Qalet li se tkompli ssegwi l-bżonnijiet tas-setturi l-aktar milquta. Qalet li tinsab konxja dwar il-bżonnijiet potenzjali ta’ madwar 100,000 ħaddiem ieħor fis-settur privat li wkoll jaf ikollhom bżonn sapport simili.

“Pakkett pożittiv ta’ għajnuniet finanzjarji” – MEA

L-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem (MEA) qalet li l-miżuri mħabbra lbieraħ mill-Gvern huma pożittivi. L-Assoċjazzjoni spjegat li minkejja li l-miżuri jindirizzaw ċertu setturi, tifhem li bħalissa dawn il-miżuri huma neċessarji.

Intant, l-Assoċjazzjoni appellat għal djalogu kontinwu sabiex ikun hemm lok għal tfassil mill-ġdid tal-pakkett finanzjarju sabiex dejjem jibqa’ jirrifletti l-mod kif qed jinbidlu ċ-ċirkustanzi fis-setturi differenti.

Garanzija għal dħul minimu għall-ħaddiema f’setturi l-aktar milquta – GWU

F’reazzjoni, il-General Workers Union qalet li l-inċentivi li ssemmew ilbieraħ għandhom jiggarantixxu dħul minimu garantit lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-setturi l-aktar milquta, fosthom tal-ospitalità, ħwienet u avjazzjoni. Il-GWU saħqet li dan il-patt soċjali kien frott ta’ djalogu kontinwu bejn ittrade unions, il-Gvern u min iħaddem.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn