L-Imsida m’għadhiex ta’ San Ġużepp

L-Imsida m’għadhiex ta’ San Ġużepp!
Hekk kif bħalissa fil-Parlament għaddejja battalja għas-siġġijiet, jidher li San Ġużepp se jitlef is-siġġu tiegħu fl-Imsida.
Jidher li t-tesserati li jiffrekwentaw l-Imsida,b'mod paritkolari s-subway tal-iskatepark iridu li fl-elezzjoni każwali jkun elett Mosè biex jeħodlu postu bħala patrun tal-lokalità.
Dan hekk kif bħalissa kulħadd qed jikkumbatti mat-traffiku panikuż aktar mis-soltu riżultat tal-maltemp li din il-ġimgħa ħakem il-gżejjer Maltin.
B’mod umoristiku u pjuttost satiriku diversi persuni fuq il-midja soċjali qed jgħidu li l-Qaddis patrun tal-Imsida m’għandux jibqa’ San Ġużepp imma jsir Mosè.
Bħal ma’ kien fetaħ il-baħar min-nofs biex salva lill-poplu Lhudi, skont uħud l-unika soluzzjoni għall-għargħar tal-Imsida ma’ kull ħalba xita hi l-kapaċità ta’ Mosè.
Skont oħrajn l-istudenti Għawdxin mhux se jkollhom aktar problema biex jaslu l-Università hekk kif meta jkun hemm għargħar is-servizz tal-ferry se jkun jista’ jwassalhom sal-għatba tal-Università jew il-Junior College.
Ħaddiema tan-negozji sajfin tal-kiri tal-jet skiis u dgħajjes żgħar għandhom l-opportunità wkoll li jimirħu 'il bogħod mill-bajjiet u joffru l-kirjiet fl-Imsida.
Jekk dawn joffru skontijiet speċjali mingħajr dubju l-problema tat-traffiku fit-toroq Maltin tonqos drastikament.