L-Imrieħel isir “Central Business District”

Iż-Żona Industrijali tal-Imrieħel se jinbidlilha isimha għal Central Business District, u dan bħala parti mit-tiġdid f’dawn l-inħawi.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, qal li sal-lum l-Imrieħel għadu jfakkar lin-nies f’toroq ħżiena, konġestjoni, u kaos fuq bażi regolari, u għalhekk sostna li l-Imrieħel jeħtieġ viżjoni għaż-żmien li ġej.
F’Marzu tas-sena li għaddiet kienet twaqqfet struttura jisimha Imrieħel Business Foundation, fondazzjoni bejn il-Gvern u l-privat magħmula minn 18-il operatur taż-żona.
Waqt it-tnedija tal-isem il-ġdid għal Central Business District Foundation, Cardona qal li l-operaturi laqgħu b’ferħ iż-żieda ta’ 12-il sieħeb ieħor mat-18 li diġà kien hemm.
Il-fondazzjoni hija responsabbli li tara l-implimentazzjoni tal-viżjoni fit-tul għall-Imrieħel, waqt li fl-immedjat jiġu stabbiliti l-prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati biex jittaffew il-problemi kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati.
Dawn huma wħud mill-proġetti fil-lista:

  • Pjan ta riġenerazzjoni li se jkun mifrux għal konsultazzjoni u li jagħti qafas ta’ kif din iż-żona għandha tiżviluppa
  • Immaniġġjar tat-traffiku li jinkludi servizz ta’ trasport pubbliku kif ukoll ftuħ ta’ toroq ġodda u infurzar tar-regolamenti
  • Tender biex tinkiseb l-aħjar soluzzjoni għal proġett ta’ LED street lighting (energy saving) u sistema ċentralizzata ta’ CCTVs
  • Proġett biex jilqa’ għall-ilmijiet