L-Imqabbin jiġbru aktar minn €22,000 għall-missjoni fil-Perù

Dun John Curmi, kappillan tal-parroċċa tal-Imqabba, ħabbar li f’temp ta’ ftit ġranet inġabru aktar minn €22,000. Dawn il-flus se jiġu mgħoddija lil Dun Raymond Portelli qassis Għawdxi, tabib u missjunarju fil-Perù fejn hu jmexxi klinika żgħira, barra l-parroċċa.

Din il-ġenerożità ntweriet wara avviż li l-Kappillan għamel waqt ix-xandiriet ta’ kuljum li jsiru fuq ir-radju tal-lokalità, Radju Tal-Ġilju FM 95.4. Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Parroċċa u s-Soċjetà Madonna tal-Ġilju bdew kollaborazzjoni biex tixxandar il-quddiesa kuljum u programm fejn il-Kappillan jirċievi telefonati mingħand in-nies tal-Imqabba. 

Missjoni Peru

Il-missjoni fil-Perù

Ftit taż-żmien ilu Dun Raymond għamel appell u l-parroċċa tal-Imqabba rrispondiet bi ħġara. Dun Ray Portelli hu missjunarju fil-belt ta’ Iquitos fejn il-Covid-19 ħalla ħafna danni.

Skont Dun Raymond, “is-sistema tas-saħħa kkollassat u ħafna nies qegħdin imutu fit-toroq. F’din il-belt, madwar 500 persuna kuljum qed jiġu infettati bil-Covid-19 u 30 persuna qegħdin imutu kuljum.”

“Apparti li aktar minn 80 tabib diġà mietu,” saħaq Dun Raymond, “l-istaff mediku m’għandux ilbies protettiv, maskri, ingwanti u apparat ieħor.” Hu saħaq ukoll li hemm nuqqas kbir ta’ ossiġnu. 

Il-Parroċċa tal-Imqabba parroċċa ġeneruża

“Il-parroċċa tal-Imqabba, parroċċa ġeneruża”. Hekk stqarr Dun John Curmi. F’kuntatt ma’ Newsbook.com.mt qal li din mhix l-ewwel darba li l-parroċċa tal-Imqabba wriet ġenerożità kbira. Fis-snin li għaddew inġabru aktar minn €50,000 li permezz tagħhom saru proġetti f’Durres, l-Albanija.