L-Imqabba tfakkar 2 mumenti importanti

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba, se jkunu qed jiċċelebraw żewġ anniversajri importanti għal din l-istess Soċjetà; il-25 sena mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija u l-20 anniversarju minn meta l-Banda Re Ġorġ V ġiet ippremjata l-premju prestiġjuż Les Étoiles d’Or du Jumelage.

Is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija twaqqfet fis-sena 1993 u sa mill-bidu stabbilixxiet ruħha bħala pedina importanti fi ħdan l-istess Soċjetà. Apparti mill-attivitajiet li din is-sezzjoni organizzat, hemm l-organizazzjoni ta’ marċi u spettakli ta’ dwal u laser għal żmien il-festa titulari ta’ Santa Marija.

Il-Premju Les Étoiles d’Or du Jumelage ġie mogħti mill-Kummissjoni Ewropeja fl-1998 wara ġemellaġġ li kien sar bejn l-istess Banda Re Ġorġ V u l-Corpo Bandistico Santa Vittoria in Matenano mill-provinċja ta’ Ascoli Piceno ġewwa l-Italja. Dan hu premju prestiġjuż li jibqa’ mnaqqax fl-istorja tas-Soċjetà Santa Marija u Banda re Ġorġ V tal-Imqabba.

Dawn iż-żewġ anniversarji se jiġu ċċelebrati matul il-festa titulari fl-Imqabba. Aktar dettalji se jitħabbru aktar ‘il quddiem.