L-Impotenti – kummiedja bil-Malti fit-Teatru Manoel

It-Teatru Manoel, flimkien mal-kumpanija ‘Talenti’, sejrien jippreżentaw il-kummiedja divertenti L-Impotenti, ta’ Nicolo’ Machiavelli.

L-isem oriġinali ta’ din il-kummiedja huwa ‘La Mandragola’. (The Mandrake Root) Din ġiet tradotta w addattata għall-Malti minn Żep Camilleri, u b’mużika oriġinali ta’ Vince Fabri.

Machiavelli kiteb din il-kummiedja fl-1504, u hi ambjentata f’Firenze. Dan ix-xogħol hu kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa xogħolijiet klassiċi li nkitbu fis-seklu 16. Hija ukoll meqjusa bħala xogħol imprezzabbli fil-kultura Taljana. Għalkemm għaddew ħames mija u ħmistax il-sena minn mindu nkitbet, għadha popolari sal-lum, tant li minn żmien għal żmien, għadha tittella f’diversi teatri.

Callimaco, ġentlom ta’ 35 sena minn Firenze, jerġa lura Firenze wara li jkun għamel xi żmien f’Pariġi. Huwa jiġġennen wara s-sbuħija ta’ Donna Lucrezia, il-mara tal-avukat Nicia, meqjus bħala bniedem sempliċi u baħnan. Peress li Nicia huwa ferm akbar fl-eta minn martu, qatt ma kellhom tfal, għalkemm kienu jixtiequhom ħafna. Ir-raġuni ta’ dan hija li żewġgħa hu ‘impotenti’, allavolja hu qatt ma jammetti dan. Tant hi kbira x-xewqa ta’ Nicia li jkollhom it-tfal, li kien lest saħansitra jitlaq lil martu f’dirgħajn ħaddiehor, imqar għal lejl wieħed biss, basta jsir missier.

Ix-xewqa ta’ Callimaco li jkellem lil Donna Lucrezia u jipprova mqar jgħaddi lejl wieħed magħha, hija kbira. Biex jilħaq l-iskop ta’ moħħu, huwa jsieb l-għajnuna kemm tal-qaddej tiegħu Siro, tal-ħabib tiegħu Ligurio, u mhux anqas ta’ Patri Timotju!!!. U hawn jibqa pjan biex ix-xewqa tiegħu tiġi mwettqa. Nicia jitkellem fuq il-problema tiegħu ma Ligurio. Dan ilaqqgħu ma’ Callimaco. Wara li sema bil-problema ta’ Nicia, Callimaco, wara li jkun fassal il-pjan tiegħu, wiegħed lil Nicia, li jekk jisqi lil martu ix-xarba li hu ivvinta, martu toħroġ tqila żgur. Biss qallu ukoll, li min ikollu x’jaqsam ma martu wara li din tixrob din ix-xarba, imut.

Minn hawn il-quddiem, jinħolqu sitwazzjonijiet tassew ħelwien u divertenti li sa jħallu l-udjenza bi tbissima waħda.

Tgħid Nicia jsib min jidħol għal din il-biċċa xogħol skabruża? Omm Lukrezia, Donna Sostrata, sa tgħin lil bintha biex taqta xewqitha? Patri Timotju lest li jgħin f’biċċa xogħol delikata/skandaluża bħal din? U Lukrezia kif tilqa l-parir li jagħtiha l-konfessur tagħha? U fuq kollox, Callimaco jirnexxielu l-pjan tiegħu? U l-kobba tkompli titħabbel.

Din il-kummiedja mużikali sa toħloq spettaklu sabieħ, kemm bil-kostumi tal-epoka, xenarju, mużika, kant u żfin il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru u s-Sibt 2 ta’ Novembru fit-8.00 pm u Il-Ħadd 3 ta’ Novembru fil-5.00pm

Jieħdu sehem uħud mill-aqwa atturi fil-preżent, fosthom Ron Briffa, Aaron Fenech, Michael Tabone, Simon Curmi, Manuel Cassar, Moira Muscat, Theresa Gauci u Claudia Mizzi. Jieħdu sehem ukoll il-kantanti/attriċi Julie Pomorski, Sarah Micallef Muscat u Stephanie Grech Mallia. Koreografija ta Michelle Zerafa u direzzjoni ta’ Mario Micallef

Il-biljetti jistgħu jinkisbu mis-sit tat-Teatru Manoel, billi ċċemplu fuq 21246389 jew billi tibgħatu email fuq bookings@teatrumanoel.com.mt.

Cert. 12+.

Dan il-kontenut huwa mwassal mit-Teatru Manoel