L-importanza tal-qari: għada jiġi mfakkar il-Jum Dinji tal-Litteriżmu

Għada l-Ħadd 8 ta’ Settembru, ikun ċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu. Dan il-jum ilu jiġi mfakkar għal 48 sena, wara li fl-1965 ġie proklamat mill-UNESCO. Dan il-jum jiġi mfakkar sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-qari kemm għall-individwu u kif ukoll għas-soċjetajiet. Persuna minn kull ħamsa madwar id-dinja ma jafux jaqraw.

Skont l-istudju internazzjonali li sar fl-2011, Progress in International Reading Literacy Study (PIRLS), Malta ikkwalifikat fil-35 post minn 45 pajjiż. Dan l-istudju evalwa l-progress li għamlu t-tfal ta' 10 snin, fejn jidħlu l-qari u l-kitba.  

Minn studju ieħor, il-Programme for International Assessment, irriżulta li 36% ta’ tfal Maltin ta’ 15-il sena kellhom diffikultà fil-qari.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika f’Mejju li għadda, ħareġ illi s-self ta’ kotba mill-Libreriji żdied bi 3% waqt li x-xiri ta’ kotba, gażżetti u magazines żdied bi 12%.

Fl-okkażjoni ta' dan il-jum, Ministeru tal-Edukazzjoni ħatar lill-kantanti Maltin, Ira Losco, Kurt Calleja u Gianluca Bezzina, bħala Ambaxxaturi tal-Qari, bil-għan li jippromwovu l-qari u jħajjru lill-istudenti jaqraw aktar.

Ftit tax-xhur ilu l-gvern ħabbar l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Litteriżmu li mistennija tiġi implimentata mis-sena skolatiska li ġejja.