L-importanza li nkomplu ninvestu fin-nies – Silvio De Bono, Newsbook Webinar

Read in English.

Id-Direttur Maniġerjali ta’ IDEA Group Silvio De Bono saħaq dwar il-valur tal-investiment fin-nies. Waqt il-webinar organizzat minn Newsbook.com.mt, Dr De Bono qal li l-pandemija tal-COVID għallmet lil Malta dwar il-bżonn li tkompli tinvesti, speċjalment fin-nies.

“Għallmitna li s-sitwazzjonijiet ekonomiċi mhumiex ċerti. In-negozji u l-ħaddiema huma vulnerabbli u l-investiment hu meħtieġ bħala salvagwardja għal din id-dgħufija”, sostna d-Direttur Maniġerjali.

Dr De Bono żied jgħid li l-pandemija għallmet lill-imprendituri jassiguraw li jkomplu jinvestu fl-innovazzjoni, għax din tista’ sservi bħala salvagwardja fi żminijiet ta’ kriżi. Irrimarka li l-isforzi biex wieħed iżomm in-negozju għaddej jistgħu jiġu salvati biss bl-investiment fl-innovazzjoni.

“Xogħol mid-dar huwa aspett wieħed tal-innovazzjoni. Mhix sitwazzjoni ta’ ‘one size fits all’ – m’hemmx soluzzjoni waħda għan-negozji kollha. Il-pajjiż hemm bżonn li jassessja s-sitwazzjoni u jippjana triq ‘il quddiem”, stqarr Silvio De Bono.

Ikkonkluda bi twissija li n-negozji kollha jridu jkunu fuq l-istess livell, biex ikunu jistgħu jaspiraw għal sitwazzjoni fejn l-innovazzjoni tkun possibbli.