L-importanza li f’Nineveh jirritornaw l-Insara u jkun hemm diversità

Għalkemm l-ISIS ħadu telfa militari kbira, sakemm dawk li minħabba fihom kellhom jitilqu mill-Pjanura ta’ Nineveh ikunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom, l-ISIS ikun irnexxielhom jilħqu l-objettiv ideoloġiku tagħhom, dak li jeliminaw il-minoritajiet reliġjużi mir-reġjun.
Din hi l-fehma tal-esperti li qed jaħdmu biex dawn in-nies jirritornaw lura lejn djarhom u li ftit jiem ilu ltaqa’ biex jiddiskutu kif se jgħinu biex dan il-proġett jirnexxi.
L-Arċisqof Bernardito Auza, rappreżentant permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Magħquda, qal li biex dawk li tkeċċew mill-ISIS ikunu jistgħu jirritornaw lejn il-Pjanura ta’ Nineveh mhux biss hemm bżonn li jerġgħu jinbnew, id-djar, l-iskejjel u l-knejjes imma trid tinbena soċjetà bbażata fuq il-koeżistenza paċifika bejn id-diversi gruppi etniċi u reliġjużi fir-reġjun.
Hu qal li “l-ISIS ippruvaw jeliminaw id-diversità u l-pluraliżmu min-Nineveh u għalhekk l-uniku mod kif ikun assigurat li l-ISIS ma jiddikjarawx rebħa hu li malajr kemm jista’ jkun jerġa’ jkun hemm il-pluraliżmu u d-diversità fir-reġjun."
Il-Papa Franġisku qed jagħti importanza kbira għar-ritorn tal-minoritajiet reliġjużi f’Nineveh fejn sal-2014 kienu jgħixu 40% tal-Kristjani Iraqini, tant li diġà wiegħed li l-flus li se  jidħlu mill-bejgh ta’ karrozza ‘Lamborghini’ ġdida li ngħata ftit ilu, se jmorru għal dan il-proġett.
L-Arċisqof Bashar Matti Warda ta’ Erbil, li ħa ħsieb mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati, qal li l-Kumitat għar-Rikostruzzjoni ta’ Nineveh, li hu magħmul minn rappreżentanti tat-tliet l-akbar Knejjes fl-Iraq, qed jaħdem biex ikunu kkordinati l-isforzi biex jgħinu 125,000 Insara u nies ta’ twemmin ieħor li kellhom jitilqu minn djarhom minħabba l-ISIS.
Sostna li huma sieħba importanti fil-bini tal-futur tal-pluraliżmu fl-Iraq u jkunu parti mis-soluzzjoni.
L-organizazzjoni Aid to Church in Need tal-Istati Uniti qed taħdem biex tiġbor $250 miljun biex il-pajjiż jibda jinbena mill-ġdid bi programmi ta’ investiment, ħolqien ta’ impjiegi, jipprepara liż-żgħażagħ jibnu mill-ġdid il-komunitajiet tagħhom u jippromwovu d-djalogu bejn reliġjonijiet differenti.
S’issa 12% biss tal-popolazzjoni Nisranija reġgħet lura lejn Nineveh u għalhekk hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata jew il-komunità Kristjana li ilha preżenti fl-Iraq għal kważi żewġ millenji, issir biss nota storika.