“L-impjiegi mal-Gvern hi s-soluzzjoni għall-qgħad” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-impjiegi mal-Gvern hija l-unika soluzzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat quddiem is-sitwazzjoni taż-żieda fil-qgħad.
Il-Partit Nazzjonalista rrefera għall-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn in-numru ta’ persuni jfittxu x-xogħol f’Malta kiber b’aktar minn 500 persuna jiġifieri żieda ta’ 8% f’perjodu ta’ sena. 
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li kważi 30% tal-impjiegi jiġifieri madwar 1,400 impjieg ġdid huma kollha impjiegi mal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista qal li din hija evidenza ċara li l-ekonomija ta’ Malta mhix toħloq biżżejjed attività.
Intqal li l-istatistika tikkonferma n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol fejn fl-ewwel sena tal-leġislatura spikkaw in-nuqqas ta’ inċentivi favur l-industrija, l-intrapriżi żgħar u medji u s-sole traders.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li huwa ta’ tħassib li l-Gvern għadu ma ssottomettiex il-pjan tiegħu ta’ kif se jintużaw il-fondi t’aktar minn biljun ewro mill-Unjoni Ewropea.