L-impjiegi jiġu salvati jekk il-kumpanija tqum fuq saqajha – Air Malta

L-Air Malta qalet li l-impjiegi tagħha se jkunu salvagwardjati biss jekk ikun assigurat li l-linja tal-ajru terġa’ tqum bil-qawwa fuq saqajha.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-proposta li qed issir lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom kienet intiża primarjament sabiex tissalvagwardja l-impjiegi tal-impjegati kollha.

“Iċ-Ċermen u l-Bord tad-Diretturi tal-Air Malta ħadu nota tal-kummenti fuq il-midja soċjali kif ukoll it-tema sottostanti tal-aħħar stqarrija għall-istampa talALPA, li t-tnejn li huma jivvittimizzaw b’mod inġustifikabbli lill-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-Kaptan Clifford Chetcuti,” qalet l-Air Malta.

“Il-Bord b’mod unanimu jtenni u jirriafferma mill-ġdid l-appoġġ u l-fiduċja tiegħu fil-Kap Eżekuttiv u bil-mod li bih, flimkien mat-Tim tal-Maniġment, qed jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni prekarja tal-Linja tal-Ajru fis-sitwazzjoni attwali relatata mal-COVID-19, u l-implikazzjonijiet li qed ikollha fuq il-Kumpannija.”

Skont l-Air Malta, l-miżuri kollha meħuda u l-proċessi implementati sal-lum mill-amministrazzjoni tal-kumpanija kellhom l-approvazzjoni unanima tal-Bord minn qabel.

“Barra minn hekk, il-Bord japprova wkoll li r-relazzjonijiet industrijali jitmexxew mill-Kap tar-Riżorsi Umani, l-Kapijiet Prinċipali relatati mat-taqsima rispettiva u assistiti mill-konsulent legali tal-Kumpannija,” qalet l-Air Malta.

Skont l-Air Malta l-miżuri li qed jiġu implementati mill-kumpanija huma simili għal dak ta’ linji tal-ajru oħra. Madanakollu, il-European Cockpit Association (ECA) qalet li l-Air Malta mhux qed tieħu l-istess approċċ bħall-maġġoranza tal-linji tal-ajru Ewropej. L-ECA tirrappreżenta 40,000 pilot Ewropew.

Il-ħaddiema fl-Air Malta mal-GWU jaqblu fuq pakkett finanzjarju

Intant il-General Workers Union (GWU) qalet li l-ħaddiema rappreżentati minnha fl-Air Malta Aviation Services u fl-Air Malta lbieraħ ivvutaw favur ftehim li bih jieħdu paga soċjali ta’ mhux inqas minn €1200 fix-xahar. Il-ftehim huwa għall-erba’ ġimgħat u jista’ jerġa’ jiġi mġedded.

“Il-ħaddiema tal-Air Malta li huma, l-amministrazzjoni, is-sezzjoni kummerċjali u s-sezzjoni tal-operations u l-haddiema tekniċi approvaw l-ftehim b’vot ta’ 100% favur filwaqt li l-haddiema tal-AirMalta Aviation Services Ltd li huma ground handling, cargo, general maintenance u taċ-check in desk approvaw il-ftehim b’ 95% favur. Il-haddiema kollha urew maturità u għarfien tas-sitwazzjoni mwera li laqtet lid-dinja kollha inkluż Malta. Fost l-industrija l-aktar milquta hija l-industrija tal-avjazzjoni. Fil-fatt minn 20 titjira kuljum l-Air Malta qed tagħmel żewġ titjiriet biss,” qalet il-GWU.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn