L-impjegati tal-kumpaniji ta’ Schembri fil-qorti jistennew deċiżjoni fuq il-paga

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Read in English.

L-impjegati ta’ sitt kumpaniji ta’ Keith Schembri dalgħodu nġabru l-qorti biex jistennew li tittieħed deċiżjoni fuq il-paga tagħhom.

Dalgħodu, l-Imħallef Aaron Bugeja beda jisma’ s-sottomissjonijiet legali ta’ 78 impjegat tal-kumpaniji taċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Il-ġimgħa li għaddiet, l-assi ta’ Schembri ġew friżati, u l-impjegati ressqu rikors legali lbieraħ sabiex uħud minn dawn l-assi jiġu rilaxxati mill-Qorti sabiex huma jkunu jistgħu jingħataw il-paga dovuta lilhom.

Nhar is-Sibt li għadda, it-tim legali ta’ Schembri ressaq rikors simili. Fih ġie argumentat li hemm aktar minn 100 ħaddiem f’kumpaniji differenti ta’ Schembri li ma setgħux jingħataw il-paga lbieraħ u lanqas għada ma huma se jitħallsu. F’dan ir-rikors, il-miżuri meħudin fil-konfront ta’ Schembri ġew deskritti bħala esaġerati u li għandhom effetti katastrofiċi.

L-assi ta’ Schembri ġew friżati b’ordni tal-Avukat Ġenerali peress li minn inkjesta li saret fuq allegat tixħim ta’ flus fil-bejgħ ta’ xi passaporti, kien hemm raġuni ta’ suspett. Dan wassal biex it-Tlieta, Schembri kien arrestat, flimkien ma’ tliet persuni oħra, inkluż Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT. Huma nħelsu bil-police bail filgħaxija.

Għadd ta’ impjegati attendew is-seduta fil-qorti llum. Ħafna minnhom qattgħu sagħtejn jistennew barra l-awla. Is-seduta saret fil-magħluq għax ir-rikors tressaq fil-kuntest tal-iffriżar tal-assi, u din l-ordni hi protetta bil-liġi.

L-avukati ta’ Schembri, Edward Gatt u Mark Vassallo, irrappreżentaw lill-ħaddiema, u argumentaw li ħadd mit-78 ħaddiem ma jidher fl-ordni ta’ investigazzjoni. Sostnew li li jiġu mċaħħdin mill-paga tagħhom hi miżura bla ħtieġa u esaġerata. Minħabba f’hekk, id-drittijiet tagħhom ġew miksura.

Mistennija ssir seduta oħra nhar il-Ħamis li ġej biex ikompli jinstema’ l-każ.