L-impjegati tal-kumpaniji ta’ Keith Schembri jieħdu l-paga

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-ħaddiema tal-kumpaniji ta’ Keith Schembri ħadu l-paga tagħhom wara li parti mill-ordni tal-iffriżar tal-assi ġiet mibdula.

L-Avukat Edward Gatt li jirrappreżenta lil Schembri u lill-impjegati tiegħu kkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt. Spjega li parti mill-ordni tal-iffriżar tal-assi li tikkonċerna l-pagi tal-impjegati nbidlet sabiex l-impjegati setgħu jitħallsu. Huma tħallsu l-ġimgħa li għaddiet.

Il-bqija tas-sekwestru għadu fis-seħħ.

Ġimagħtejn ilu, l-Imħallef Aaron Bugeja beda jisma’ s-sottomissjonijiet legali ta’ 78 impjegat ta’ sitt kumpaniji taċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan wara li ġimgħa qabel, l-assi ta’ Schembri ġew friżati, u l-impjegati ressqu rikors legali sabiex uħud minn dawn l-assi jiġu rilaxxati mill-Qorti sabiex huma jkunu jistgħu jingħataw il-paga dovuta lilhom. L-ordni tal-iffriżar tal-assi ta’ Schembri u oħrajn qribu ħarġet mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg wara li ntemmet inkjesta li saret fuq allegat tixħim tal-flus fil-bejgħ tal-passaporti Maltin. Mill-inkjesta ħareġ li kien hemm raġuni għal suspett fi Schembri u Brian Tonna minn Nexia BT.

Iż-żewġ irġiel, kif ukoll Karl Cini u Manuel Castagna minn Nexia BT, ġew arrestati fil-lejl ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Settembru. Wara jum fid-Depot, huma nħelsu bil-police bail.

Schembri u diretturi ta’ diversi kumpaniji tiegħu ppreżentaw rikors fil-qorti fuq is-sekwestru li sar fuq l-assi tagħhom, tan-negozji tagħhom u ta’ individwi li jiġu minnhom. Huma qalu li qed jinkisrulhom id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għal smigħ ġust, għat-tgawdija tal-propjetà tagħhom, u għad-dritt tagħhom li ma jiġux ikkastigati jekk ma jinstabux ħatja ta’ xi offiża kriminali.