L-impjegati tal-BOV jaqsmu l-imħabba tagħhom għall-kotba

L-impjegati tal-Bank of Valletta ngħaqdu ma’ eluf madwar id-dinja biex ifakkru l-Jum Dinji tal-Ktieb.
It-23 t’April hija l-ġurnata magħżula mill-UNESCO bħala l-Jum Dinji tal-Ktieb, u hija mfakkra f’aktar minn mitt pajjiż madwar id-dinja. Fil-Bank of Valletta, din iċ-ċelebrazzjoni ħadet il-forma ta’ skambju ta’ kotba madwar l-organizzazzjoni kollha.
Matul ix-xahar ta’ April, l-impjegati tal-BOV ġew mistiedna jibagħtu l-kotba second-hand tagħhom lill-BOV Centre. Il-kotba tqiegħdu fi struttura ddisinjata speċifikament għat-triq interna fil-BOV Centre. L-impjegati ġew imħeġġa jqallbu f’din l-għażla disponibbli, u jieħdu d-dar magħhom kwalunkwe ktieb li jkun laqgħathom.
Meta tkellem dwar l-inizjattiva, Charles Azzopardi, Kap tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta spjega li, “Din kienet l-ewwel darba li l-Bank of Valletta qed jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ktieb. Il-Bank jimpjega madwar 1,500 impjegat, u b’hekk huwa verament komunità fil-komunità. Permezz ta’ dan l-iskambju ta’ kotba, aħna ridna nħeġġu lin-nies tagħna jerġgħu jiskopru l-imħabba tagħhom għall-kotba. Fl-istess ħin qed jagħtu ħajja ġdida lill-kotba tagħhom.”