L-impjegati tal-Air Malta jingħataw €400 għall-parking

Fl-aħħar paga tas-sena li għadha kif intemmet, l-impjegati kollha tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, ingħataw €400 żejda bħala kumpens għall-parkeġġ tal-karozzi privati tagħhom. Dan il-kumpens ingħata minkejja li l-ħaddiema tal-Air Malta ma jħallsu xejn għall-parkeġġ provdut mill-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA).

L-għoti tal-kumpens kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi li tkellmu ma’ impjegati tal-Air Malta. Anke l-General Workers Union (GWU) ikkonfermat li ngħataw il-flus għall-parkeġġ iżda ma semmietx l-ammont. Min naħa tagħha l-Air Malta wieġbet xott xott li “kull deċiżjoni kummerċjali tal-kumpanija hija ta’ natura sensittiva u mhix fl-interess pubbliku”.

Tawhom post alternattiv għall-parkeġġ

Kelliem għall-GWU qal ma’ Newsbook.com.mt li l-MIA għandha spazju għall-impjegati tal-linji tal-ajru u kumpaniji oħra fl-ajruport. Il-kumpaniji jħallsu lill-MIA biex l-impjegati jipparkjaw b’xejn.

Is-sorsi tagħna qalu li fil-bidu ta’ Diċembru l-MIA bdiet proġett fiż-żona fejn kienu jipparkjaw il-karozzi tagħhom il-ħaddiema kollha tal-ajruport, inkluż dawk tal-Air Malta.

Minħabba dan il-proġett il-ħaddiema ngħataw post alternattiv fejn jipparkjaw il-karozzi tagħhom. Dan il-parkeġġ jinsab ftit aktar ‘il bogħod mit-terminal, preċiżament ħdejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, f’Ħal Luqa. Biex tnaqqas l-inkonvenjent l-MIA pprovdiet trasport b’xejn lil kull min jaħdem fl-ajruport, minn dan il-parkeġġ sat-terminal tal-ajruport.

Kumpens minkejja parkeġġ bla ħlas

Is-sorsi qalu li l-Air Malta offriet l-ammont ta’ €400 lil kull impjegat. Minkejja li ma semmiex l-ammont, kelliem għall-GWU qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Air Malta  “bil-volontà tagħha” offriet din l-għajnuna finanzjarja lill-impjegati, “biex f’każ li jkunu jridu jipparkjaw xi mkien ieħor ikunu koperti”.

Ħaddiema oħra jridu kumpens

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li l-ebda kumpanija jew entità oħra li tħaddem lin-nies fl-ajruport ma tat xi tip ta’ kumpens lill-ħaddiema tagħha għal din il-bidla. Newsbook huwa infurmat li kien hemm għadd ta’ ħaddiema li lmentaw ma’ min iħaddimhom u mal-unjins tagħhom u talbu li jingħataw l-istess trattament li ngħataw il-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Ħaddiema li tkellmu magħna qalulna li huwa ironiku li filwaqt li dawk il-kumpaniji li kull sena jagħmlu profitti kbar ma taw xejn lill-impjegati tagħhom, l-iktar kumpanija fl-ajruport li tissemma għall-problemi finanzjarji kienet tant ġeneruża. Lanqas id-Dipartimenti tal-Gvern li jħaddmu n-nies fl-ajruport, bħad-Dwana, l-Armata u l-Pulizija ma taw ebda tip ta’ kumpens.

Fl-aħħar xhur ġie rrappurtat li l-Air Malta mistennija tagħlaq is-sena finanzjarja tagħha f’Marzu li ġej, mingħajr telf. Fl-istess żmien ġie rrappurtat ukoll li mal-linja nazzjonali tal-ajru kienu qed jiġu impjegati bosta nies ġodda. L-Air Malta hija kumpanija tal-Gvern u taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.