L-impjegati ta’ Steward għandhom isiru ħaddiema tal-Gvern – UĦM

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li l-professjonisti impjegati ma’ Steward Health Care jixirqilhom aħjar u għandhom ikunu ħaddiema tal-Gvern. 

Dan wara li lbieraħ il-UĦM ingħatat l-għarfien ewlieni tal-professjonisti u l-konsulenti tad-dieta li jaħdmu direttament ma’ Steward Health Care wara laqgħa li saret għand id-Direttur għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER). F’din il-laqgħa rriżulta li aktar minn 80% ta’ dawn il-professjonisti fdaw fil-UĦM sabiex tirrappreżentahom u ġġibilhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. 

Il-UĦM Voice of the Workers b’hekk talbet għall-għarfien sħiħ tal-Allied Health Professionals impjegati mal-Gvern. Gian Paul Gauci, l-Assistent Direttur tal-UĦM, qal li t-tema fil-proċess tal-għarfien għal din il-kategorija ta’ ħaddiema hija li huma ħaqqhom aħjar. Hu saħaq li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jiġu trattati differenti minn professjonijiet oħrajn. 

L-Assistent Direttur tal-UĦM stqarr li l-Unjin se tinsisti u tinnegozja kundizzjonijiet xierqa għal dawn il-professjonisti li jirriflettu r-responsabbiltà kif ukoll l-istatus ta’ dawn il-ħaddiema. 

Fi stqarrija l-UĦM spjegat li l-ewwel pass tagħha hu biex il-professjonisti ta’ Steward isiru ħaddiema tal-Gvern bl-istess kundizzjonijiet. Apparti dan, l-UĦM qalet li se tistinka biex jingħalaq il-proċess tal-għarfien tal-Allied Health Professionalskollha impjegati mal-Gvern ħalli jsiru n-negozjati neċessarji biex il-professjonisti jiġu trattati ta’ professjonisti.