L-impjegati ta’ GO jiddevertu lir-residenti ta’ Roseville Home

L-impjegati ta’ GO ħarġu bi ħġarhom biex jiddevertu lir-residenti ta’ Roseville Home f’Ħ’Attard. Fil-fatt, it-tim ta’ GO ipprepara għodwa sħiħa ta’ attivitajiet fosthom il-logħba tat-tombla li kienet suċċess kbir mar-residenti.
Josephine Grima, Senior Manager – HR Operations, qalet li “l-impjegati ta’ GO ta’ spiss jorganizzaw attivitajiet bl-għan li jgħinu b’mod attiv lill-komunità. Permezz tal-Kumitat GO Cares, l-impjegati jorganizzaw attivitajiet ta’ appoġġ għat-tfal, santwarji tal-annimali, NGOs u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà. Din l-inizjattiva, li saret f’Roseville Home, tkompli turi l-impenn li t-tim ta’ GO għandu lejn membri oħra tas-soċjetà u li fil-fatt hi waħda mill-erba’ valuri ewlenin tagħna.”
Roseville tinsab f’Ħ’Attard, biswit il-Palazz ta’ San Anton u hi ġawrha arkitettoniku unika li tikkaratterizza dar tipika tas-snin bikrin tas-seklu 20 u li fil-fatt hi waħda mill-ftit vilel Art Nouveau f’Malta. Il-faċċata hi msebbħa bi twieqi skolpiti u mdawrin b’disinn oriġinali, tipikament tad-djar Art Nouveau li jinsabu fi Brussell, Antwerp u madwar l-Ewropa Ċentrali.
Id-dar tal-anzjani toffri lir-residenti l-kura u l-attenzjoni li għandhom bżonn filwaqt li toffrilhom l-appoġġ kollu meħtieġ biex jgħixu kemm jista’ jkun ħajja indipendenti.