L-impjegati ta’ GO b’għotja ta’ €5,000 lid-Dar tal-Providenza

Il-Fond tal-Impjegati GO Cares, li permezz tiegħu l-istaff ta’ GO plc jikkontribwixxu  b’mod volontarju matul is-sena, ta għotja ta’ €5,000 lid-Dar tal-Providenza. Id-donazzjoni kienet ippreżentata waqt il-maratona għall-ġbir ta’ fondi li saret fil-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn Radju RTK fl-1 ta’ Jannar 2016.
Josephine Grima, Senior Manager – HR Operations ma’ GO, qalet li “l-Fond tal-Impjegati GO Cares jappoġġja diversi kawżi ġusti u jipprovdi mezz tajjeb għall-istaff biex jissieħbu flimkien u jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà. Matul is-sena, il-Fond mhux biss iqassam il-flus li jinġabru, imma jorganizza wkoll attivitajiet ħalli l-istaff jinvolvi ruħu u joffri għajnuna u appoġġ dirett.”
Id-Dar tal-Providenza hi waħda mill-organizzazzjonijiet li l-Fond tal-Impjegati GO Cares jappoġġja regolarment, jgħinha biex tkompli toffri dar u wens għal kważi mitt persuna b’diżabiltà. Id-Dar tal-Providenza toffri ukoll servizzi ta’ respite lill-familji tagħhom fuq bażi regolari.
“Id-Dar tal-Providenza tagħmel ħafna biex tgħin lill-persuni b’diżabiltà u lill-familji tagħhom biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Hi organizzazzjoni li ħafna mill-istaff ta’ GO għandhom għal qalbhom. Għalhekk il-Fond tal-Impjegati GO Cares hu kuntent li beda is-sena 2016 bil-preżentazzjoni ta’ din l-għotja,” kompliet Grima.