L-impjant tal-gass għen lill-Ażerbajġan jirbaħ gwerra? – Cassola

Read in English.

Il-kandidat politiku indipendenti Arnold Cassola staqsa jekk flus Maltin għenux lill-Ażerbajġan fill-gwerra riċenti tiegħu fir-reġjun tan-Nagorno Karabakh, hekk kif rapporti jindikaw li Socar – il-kumpanija statali Ażerbajġana tal-enerġija – kellha rwol importanti fil-finanzjament tal-kunflitt.

Għalkemm in-Nagorno-Karabakh hu uffiċjalment territorju tal-Ażerbajġan, hu reġjun li għandu maġġoranza Armena u ilu de facto indipendenti mill-1994. Però il-kunflitt eskala mill-ġdid f’Settembru, u wara 6 ġimgħat, ġie ffirmat waqfien mill-ġlied li kkonferma akkwist konsiderevoli ta’ territorju mill-Ażerbajġan.

Rapport mill-gazzetta La Tribune de Genève iffoka fuq kif il-profitti ta’ Socar fiż-Żvizzera għenu biex jiffinanzaw il-kunflitt, inkluż fix-xiri ta’ tagħmir militari mit-Turkija u l-Iran. Però Socar hi wkoll membru tal-konsorzju Electrogas li jmexxi l-impjant tal-gass fid-Delimara, u b’hekk Cassola staqsa jekk Malta “newtrali” għenitx tiffinanzja l-gwerra kontra l-Armeni.

“Aħna l -Maltin qegħdin ninsterqu b’miljuni ta ‘ewro fis-sena mill-Electrogas ta’ Yorgen Fenech u minn Socar. Il-miljuni żejda li ilna noħorġu kull sena qed jintużaw ukoll minn Socar u l-gvern tal-Ażerbajġan biex jiffinanzjaw il-gwerra tiegħu kontra l-Armenja,” staqsa Cassola.

“Il-miljuni ta ‘ewro tagħna l-Maltin qed jintużaw minn Socar u l-Ażeri biex joqtlu Armeni u bnedmin oħra? Il-flus kollha li jmorru għand Socar jikkostitwixxu ksur tal-klawsola tan-newtralità fil-Kostituzzjoni tagħna?”

Cassola b’hekk staqsa biex il-Gvern u l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li qed jinvestigaw l-Electrogas għandhom jipprovdu rendikont ta’ kif flus Maltin li għaddew għal għand Socar intefqu.

“Irridu niżguraw li l-għexieren ta ‘miljuni ta’ kull sena li ttiħdulna minn Konrad Mizzi u Joseph Muscat mhumiex isiru blood money li qed joqtol bnedmin fir-reġjun ta Nagorno-Karabakh,” ikkonkluda Cassola.