L-impjant il-ġdid tal-Electrogas jiġġenera nofs l-elettriku tal-pajjiż

L-enerġija elettrika f’Malta ġejja nofs bin-nofs mill-impjant il-ġdid tal-Electrogas u mill-Interconnector bejn Malta u l-Italja. Il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi ta dan it-tagħrif fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone.
Fid-dawl ta’ artiklu li deher il-ġimgħa li għaddiet fil-gazzetta The Times li tefa’ dubji fuq il-garanzija ta’ sigurtà li l-impjant il-ġdid tal-Electrogas jipprovdi l-enerġija, il-Ministru qal li l-persentaġġ ta’ enerġija ġġenerata mill-impjant bejn April u Novembru ta’ din is-sena kien ilaħħaq 50% tat-total tal-enerġija ġġenerata mill-impjanti kollha tal-power station ta’ Delimara u mill-interconnector.
Il-Ministru ħabbar ukoll li x-xogħol ta’ żarmar tal-impjant l-antik ta’ Delimara 1 u ċ-ċuminja tiegħu għaddej bir-ritmu mgħaġġel u mistenni li jkun lest sa tmiem is-sajf.